Konfermata investigazzjoni ta’ spjunaġġ minn Dar Malta – EU Observer

MEPs Olandiżi jsejħu għal inkjesta

Read in English.

Is-servizz tas-sigurtà tal-Belġju kkonferma li investiga l-possibilità ta’ spjunaġġ miċ-Ċina bl-użu ta’ Dar Malta – l-ambaxxata Maltija għall-Ewropa fi Brussell. Dan skont rapport mis-sit tal-aħbarijiet EU Observer.

Is-servizz tas-sigurtà VSSE qal li kien hemm persuni Ċiniżi li kienu involuti fir-renovar ta’ Dar Malta fl-2007. Qal li dan l-iżvilupp ġibdilhom l-attenzjoni.

EU Observer kiteb li madanakollu, il-VSSE qal li qatt ma kien hemm evidenza ta’ spjunaġġ minn dan il-bini u li qatt ma qal li dan kien il-każ. Saħaq li mhux qed jakkuża lil Malta uffiċjalment bi spjunaġġ.

Dan is-servizz tas-sigurtà ta dawn il-kummenti fid-dawl tal-istorja li dehret fil-gazzetta Franciża Le Monde.

Il-Le Monde qalet li s-servizzi sigrieti tal-Belġju kienu nkwetati dwar spjunaġġ li ċ-Ċina kienet qed twettaq mill-uffiċċju tar-Rappreżentanza Maltija għall-Unjoni Ewropea fi Brussell. F’reazzjoni l-Gvern Malti qal li l-artiklu jagħmel bosta allegazzjonijiet żbaljati.

Riskju għas-sigurtà – MEPs Olandiżi

Żewġ MEPs Olandiżi qalu li jekk Dar Malta ġiet kompromessa dan ikun ta’ riskju kbir għas-sigurtà. Dan mhux biss peress li hija fiżikament qrib il-Kummissjoni Ewropea imma peress li dokumenti sensittivi jkunu qed jgħaddu mis-sistema tal-IT Maltija.

L-MEPs Bart Groothuis u Malik Azmani sejħu għal analiżi tas-sigurtà Ewropea u għal inkjesta sħiħa dwar min kien jaf dwar il-każ u meta.

L-Ewropa tista’ tafda lil Malta?

Groothuis qal li għandu jkun hemm pressjoni mill-pajjiżi tal-UE fuq Malta. Qal li għandhom jistaqsu jekk jistgħux jafdaw is-sistemi u il-faċilitajiet Maltin.

Sors tas-sigurtà mill-Belġju qal lill-EU Observer meta wieħed jara x’qed jiġri f’Malta “kollox huwa possibli”. Irrefera għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u għat-traffikar ta’ armi tan-nar.