Konfermata: Il-PD u l-PN se jikkontestaw flimkien

Il-Partit Nazzjonalista approva l-ftehim mal-Partit Demokratiku biex b’hekk fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-kandidati tal-PD se jikkontestaw fuq il-lista tal-PN.
Fi stqarrija, il-PN qed isejjaħ dan il-ftehim bħala forza nazzjonali li se tassigura Gvern ġdid u nadif.
Il-PN spjega li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat bdew f’Settembru li għadda, meta l-Kap tal-PN, Simon Busuttil ħabbar li l-Partit kien qed jinfetaħ għal nies ġodda li jridu jaħdmu flimkien biex jagħtu lill-poplu Gvern nadif.
F’kummenti li ta, Dr Busuttil qal li bħalissa Malta għandha Prim Ministru taħt investigazzjoni kriminali u li Malta ma tistax tibqa’ sejra hekk.
Żied jgħid li għada se jiġu preżentati d-dettalji ta’ dan il-ftehim.
Il-Partit Nazzjonalista japprova ħames kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali
Intant fi stqarrija, il-PN qal ukoll li approva ħames kandidati oħra għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, biex b’hekk il-PN għandu 93 kandidat.
Il-kandidati ġodda huma Ruben Teeling, Ray Bugeja, Maria Deguara, Edward Torpiano u David Stellini.