Ikkonfermat fejqan mirakoluż fit-Tempju ta’ Knock

Il-Papa Franġisku jitlob fil-Kappella tad-Dehriet fit-Tempju ta’ Knock fl-Irlanda (Credit: Paul Haring/CNS.)

Mara li fieqet waqt li kienet fit-Tempju tal-Madonna ta’ Knock fl-Irlanda, 30 sena ilu, issa kien rikonoxxut formalment mill-Knisja bħala fejqan mingħajr spjegazzjoni medika.

Fl-1989, Marion Carroll, kienet ittieħdet f’dan it-tempju fuq ‘stretcher’ wara li kien ilha minn tfulitha tbati minn dik li kienet maħsuba li hi sklerożi multipla.

Il-mara qalet li hi talbet lill-Madonna għall-fejqan u mmedjatament, is-sintomi tal-kundizzjoni tagħha bdew jittaffew. Aktar tard kitbet dwar din l-esperjenza tagħha fi ktejjeb intitolat “Jien Fieqet f’Knock”.

Miraklu konfermat

Nħar il-Ħadd li għadda, waqt pellegrinaġġ li fih ħadet sehem ukoll Marion Carroll,  l-Arċisqof Michael Neary ta’ Tuam, ħabbar li l-Knisja kienet ikkonfermat dan il-miraklu.

“Tletin sena ilu, fl-okkażżjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ, Marion fieqet waqt li kienet hawn f’dan it-Tempju tal-Madonna.  Illum, il-Knisja qed tagħraf formalment li dan il-fejqan ma għandu ebda spjegazzjoni medika u għalhekk ejjew flimkien infaħħru u nirringrazzjaw lil Alla”, qal l-Isqof li hu wkoll il-kustodju ta’ dan it-tempju.

It-Tabib Diarmuid Murray, Kap tal-Bureau Mediku ta’ Knock, qal li ilu 30 sena biex ikun determinat li ma hemmx spjegazzjoni medika għall-fejqan ta’ Marion Carroll għax ma kinitx saret dijanjosi medika tal-kundizzjoni tagħha.

“F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-Knisja dejjem tkun kawta ħafna”, qal l-Arċisqof Neary. “Dan jidher mill-fatt li kellhom jgħaddu 30 sena minn meta sar il-fejqan li matulhom l-eżamijiet li saru mit-tim mediku ma sabux spjegazzjoni medika għalih”.

Fejqan waqt pellegrinaġġ

Il-Papa Franġisku kien żar it-Tempju ta’ Knosck fl-2018 meta kien fl-Irlanda għall-Jum Dinji tal-Familja.  Din kienet it-tieni darba li Papa talab fil-post fejn 15-il persuna kellhom dehra tal-Madonna, San Ġużepp u San Ġwann l-Evanġelista, fil-21 ta’ Ottubru tal-1879. Il-Papa San Ġwanni Pawlu II kien żar it-Tempju fl-1979.

L-Isqof Francis Duffy ta’ Ardagh & Clonmacnois, li hu l-Isqof tal-lokal fejn tgħix Carrol li mexxa l-pellegrinaġġ tal-Ħadd li għadda qal li “Nirrikonoxxi li Marion fieqet mill-marda twila tagħha waqt pellegrinaġġ f’dan il-post qaddis”.

“M’hemmx dubju li kien hemm fejqan mill-marda  twila ta’ Marion. Din ħelset minn marda li kellha impatt kbir fuqha u fuq il-familja tagħha.  Fejqan li għalih m’hemm eba spjegazzjoni medika”, żied jgħid l-Isqof.

Hu nnota li ħafna nies iżuru t-Tempju ta’ Knock u jkun hemm ħafna fejqan tal-ġisem, tal-moħħ u anke tar-ruħ.