​Konferma ta’ blat perikoluż f’San Pawl il-Baħar

Il-Ministru għall-Infrastruttura Joe Mizzi ikkonferma li periti tal-Gvern iddikjaraw il-blat f’żewġ postijiet f’San Pawl il-baħar bħala perikoluż u għalhekk qed jittieħdu miżuri biex ikun limitat l-aċċess għalihom.
Huwa qal dan fi tweġiba għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea.
Mizzi kkonferma li fl-akwati tal-Għasselin ġie stabbilit li formazjoni ġeoloġika partikolari, forma ta’ daħla fil-blat, kienet qed turi sinjali ta’ deterjorazzjoni, b’tali mod li jekk ikun hemm xi għawwiema jew nies fuq xi qoxra tal-baħar li jidħlu fl-akwati, jistgħu jkunu esposti għal riskji ta’ saħħa u sigurta’.
Huwa qal li f’dan il-każ l-aċċess minn fuq il-blat għas-sit perikolanti diġa’ ingħalaq b’chainlink fence waqt li Transport Malta se tagħlaq l-aċċess mill-livell tal-baħar f’dawn l-akwati..
It-tieni każ hu dak ta’ problema fil-wiċċ tal-blat u pilastru perikolanti f’Triq San Franġisk. F’dan il-każ, istenni jingħalaq permezz ta’ chain link fence waqt li Transport Malta intalbet twaħħal sinjali li jindikaw il-periklu għall-għawwiema u sidien ta’ opri tal-baħar.
Mizzi spjega li fiż-żewġ każi bl-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezjoni Ċivili se jitneħħa, sa fejn hu possibli, xi blat perikoluż fl-istess inħaw, u fil-każ tas-sit fi triq San Franġisk se jinbena retaining wall mill-livell tal-blat biex jgħatti l-wiċċ espost tal-blat hekk kif sar fir-rigward ta’ strutturi privati fl-akwati.