Konferma: Skola Sajf u Klabb 3-16 se jibdew mit-Tnejn li ġej

Kif kien maħsub – Skola Sajf u Klabb 3-16 – se jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej. 
Ikkonferma dan dalgħodu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo minkejja li kien hemm il-possibiltà li l-iskejjel u ċ-ċentri jiftħu l-bibien tagħhom aktar tard din il-ġimgħa.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jirriżulta li  lbieraħ filgħaxija ltaqgħu rappreżentanti mill-Fondazzjoni għas–Servizzi Edukazziti u mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Sas-sena li għaddiet, it-tħaddim tal-iskemi Skola Sajf u Klabb 3-16 kienu f’idejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Waqt il-laqgħa li saret fil-Ministeru ġew diskussi diversi problemi li fuqhom tkellmet l-Unjin tal-Għalliema (MUT) fosthom li jiżdiedu l-għalliema fl-iskejjel.
10,800 student applikaw biex din is-sena jattendu għal Skola Sajf. 
F’kumment li l-President tal-MUT Kevin Bonello kien ta lil Newsbook.com.mt il-ġimgħa li għaddiet, jumejn qabel ma kellha tibda Skola Sajf, kien qal li Skola Sajf se tiftaħ qalb fjask sħiħ minħabba s-sitwazzjoni diżastruża ta' nuqqas ta' għalliema.
Bonello sostna li f’ċentri partikolari kien se jkun hemm għalliem wieħed ma’ 300 tifel u tifla.