​Konferma: Se jsiru l-lifts fil-pont tal-Imrieħel; “Dewmien mill-kuntrattur” – TM

Transport Malta (TM) u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, it-tnejn ikkonfermaw li fil-pont li nbena fil-Bypass tal-Imrieħel se jiġu installati lifts.
Dan għall-kuntrarju ta’ dak li ntqal fl-istqarrija tal-Bicycling Advocacy Group (BAG), li appellat biex jiġu installati traffic lights, minħabba rapporti fil-midja li qalu li mhux se jiġu installati lifts.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għal Transport Malta qal li filwaqt li l-kumpanija li rebħet is-sejħa, bniet il-pont kif mistenni minnha, din qed iddum biex twaħħal il-lifts. Żied jgħid li TM qed tieħu kull azzjoni, li jippermettilha l-kuntratt, sabiex tikkonvinċi lill-kumpanija twaħħal il-lifts biex il-pont jibda jaħdem kif imfassal kemm jista’ jkun malajr.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħal Qormi,  Jesmond Aquilina, ikkonferma wkoll dak li qalet Transport Malta.
Mistoqsi dwar jekk kienx hemm xi tip ta’ konsultazzjoni pubblika marbuta mal-bini tal-pont, Aquilina qal li biex sar dan il-pont, saret applikazzjoni lill-Awtorità tal-Ippjanar. Żied jgħid li bħal kull applikazzjoni oħra,  din kienet pubblika u kulħadd seta’ jagħmel sottomissjonijiet u osservazzjonijiet.
Filwaqt li fakkar kif fl-2005, żewġt ibniet ittajru wara li ppruvaw jaqsmu t-triq li tintuża minn eluf kbar ta’ vetturi, il-kelliem għal TM spjega li l-awtorità użat metodu innovattiv biex jinbena l-pont mingħajr ma jinħarġu flus pubbliċi. Kompla jgħid li l-kumpanija li rebħet il-proċess kompetittiv kellha tfassal, tibni, topera, u tmantni l-pont għal perjodu ta’ 20 sena. Din il kumpanija mbagħad tieħu lura introjtu minn reklamar li jsir mal-pont innifsu.
Madanakollu, min-naħa tagħha, il-BAG xorta temmen li traffic lights kienu l-aħjar soluzzjoni għal dik iż-żona, minħabba l-għadd baxx ta’ nies li jimxu minn hemm.
Ritratt: Transport Malta