Konferma li żewġ kandidati tal-PL ġew interrogati mill-pulizija

Newsbook huwa infurmat li żewġ kandidati tal-Partit Laburista ġew interrogati mill-pulizija dwar allegat ksur tal-liġi fil-jum tas-silenzju, fejn allegatament għaddew kummenti politiċi fuq l-internet. Dan ġie kkonfermat mill-uffiċjal responsabbli għall-komunikazzjoni tal-Partit Laburista li qal li għal kuntrarju ta’ dak li qed jiġi rrapurtat f’mezzi tax-xandir oħra, m’humiex erba’ il-kandidati tal-Partit Laburista imma tnejn. Qal li ż-żewġ persuni l-ohra huma ċittadini privati.

Newsbook ikkuntattja wkoll lill-kandidata Laburista Nikita Alamango, li fil-ħin li sar kuntatt magħha, qalet li kienet qed tagħti stqarrija lill-Pulizija.
Min-naħa tiegħu is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Paul Borg Olivier, ma ried jagħti ebda kumment lil Newsbook dwar jekk il-Partit Nazzjonalista jikkonfermax il-fatt li għandu xi tagħrif dwar dan il-każ.

Qal li f’dan il-każ il-mistoqsijiet għandhom isiru direttament lill-pulizija. Min-naħa tagħha, il-pulizija qalet li ma tistax tgħaddi informazzjoni dwar dan il-każ.