Konferenza nazzjonali dwar l-artrite u rewmatiżmu

Fil-21 t’Ottubru se ssir konferenza nazzjonali dwar l-artrite u r-rewmatiżmu f’Malta. Din il-konferenza hija mtella’ mill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Artrite u r-Rewmatiżmu (ARAM).

L-għan ta’ din il-konferenza huwa li l-kundizzjoni tal-artrite titla’ fuq nett tal-aġenda nazzjonali. Għal din il-konferenza nazzjonali se jkunu qed jieħdu sehem fost oħrajn tal-EULAR, id-Dipartiment tar-Rewmatoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Kulleġġ tat-Tobba tal-Familja, il-Kumissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, il-unions u l-membri parlamentari.

Skont stħarriġ li sar ħames snin ilu aktar minn 60,000 persuna jbatu minn xi forma ta’ artrite f’Malta. Mhux eskluż li dan in-numru tela’ għal madwar 70,000 persuna.

Huwa stmat li hawn madwar 200 tip differenti ta’ artrite; l-aktar komuni jkun l-artritè li jaffettwa l-ġogi tal-ġisem u l-organi. Sfortunatament it-tobba għadhom ma skoprewx x’jikkawża u l-artrite madankollu l-ġenetika, it-tipjip u l-konsum żejjed ta’ alkoħol jistgħu jżidu l-probabilità li persuna jkollu l-artrite.

L-effetti tal-artrite huma differenti minn persuna għall-oħra. Huwa importanti li din il-marda tinqabad kemm jista’ jkun malajr sabiex tkun ikkontrollata u ma tkomplix tiggrava. Hemm diversi trattamenti li jistgħu jintużaw għal din il-marda fosthom pilloli u tilqim speċjalizzat. Wieħed jista’ jaqa’ f’dipressjoni jekk din il-marda ma tiġix ikkurata. Din il-marda ma taffettwax biss lill-persuni li huma mdaħħlin fl-età; tista’ taffettwa wkoll tfal żgħar.

L-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Artrite u r-Rewmatiżmu (ARAM) hija attiva ħafna biex tqajjem aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni. Din is-sena, l-Assoċċjazzjoni qed tmexxi kampanja bl-isem ta’ ‘Time2Work’. L-għan ta’ din il-kampanja huwa biex tħeġġeġ in-nies li għandhom din il-kundizzjoni jibqgħu jaħdmu għax l-artrite jista’ jiġi kkontrollat.

L-ARAM qed tippjana biex tibda taħdidiet mal-għaqdiet ta’ min iħaddem sabiex jintlaħaq ftehim li minnu jistgħu jibbenefikaw persuni li jbatu minn il-kundizzjoni u għalhekk titjieb il-ħajja tal-persuni li jbatu minn din il-kundizzjoni.

Il-President tal-Assoċċjazzjoni Mary Vella enfasizzat il-bżonn li persuni jkollhom dijanjożi kemm jista’ jkum malajr u jingħataw trattamenti effettivi għal din il-kundizzjoni. Hija appellat lil min iħaddem biex jadotta miżuri inklussivi sabiex persuni li jbatu mill-kundizzjoni tal-artrite ma jħossuhomx imwarrbin.

Kull min jisxtieq jista jagħmel kuntatt mal-ARAM fuq l-email aramalta@gmail.com jew fuq il-paġna ta’ Facebook.