Konferenza fil-Vatikan dwar il-kura pastorali tal-anzjani

L-Isqof Irlandiż, Nulty Kandle

X’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja Kattolika għal dik li qed tissejjaħ “Ir-Rivoluzzjoni tal-Ħajja Itwal”? Bħalissa f’Ruma qed tiltaqa’ konferenza internazzjonali dwar il-kura pastorali tal-anzjani, organiżżata mid-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja.

Madwar 550 espert u aġenti pastorali minn 60 pajjiż madwar id-dinja qed jattendu għal din il-Konferenza

Din hi l-ewwel darba li s-Santa Sede qed torganizza Konferenza ta’ din ix-xorta bl-iskop li toffri riflessjoni pastoral fuq suġġett li jolqot kemm is-soċjetà b’mod ġenerali kif ukoll il-Knisja għas-snin li ġejjin.

Tliet temi

Il-laqgħa qed tiddiskuti tliet temi ewlenin. L-ewwel waħda hi dedikata għall-kuntrast bejn “il-kultura tar-rimi” u kif il-Knisja tista’ turi l-wiċċ tagħha tal-Ħniena, billi tibqa’ dejjem qrib l-anzjani.

It-tieni diskussjoni qed tikkonċentra fuq il-Familja u r-responsabbiltà tagħha lejn in-nanniet u l-anzjani.  Il-familji huma msejħa biex jagħrfu ir-rigal tal-ħajja u tal-fidi trasmessi billi tagħmel konverżjoni pastorali u tpoġġi l-gratitudni fiċ-ċentur tagħha.  Il-Knisja ma tistax taċċetta li x-xjuħ jibqgħu mċaħħda minn kuntest familjari, fejn dan ma jeżistix u għalhekk tħoss li għandha tkun hi l-familja għal dawk li jgħixu fis-solitudni. L-anzjani għandhom bżonn familja u l-familji għandhom bżonn l-anzjani.

L-aħħar sessjoni tal-Konferenza li qed tiltaqa’ f’dawn il-jiem, se tkun dedikata għall-vokazzjoni tal-anzjani fil-Knisja. Iż-żjieda fit-tul tal-ħajja u t-titjib fil-kundizzjonijiet tas-saħħa, tawwlet il-ħajja ta’ ħafna nies, bla ebda mpenn ta’ xogħol imma f’saħħithom. Dawn is-snin kif għandhom jgħixu fi spirtu nisrani?  Il-Papa Franġisku dan sejjaħlu “żmien ġdid” u rridu nivvintaw kif se ngħixuh.  Wieħed qatt ma jirtira mill-Evanġelju!

Il-Konferenza Episkopali Irlandiża se tkun rappreżentata f’din il-konferenza ta’ tliet ijiem minn l-Isqof Denis Nulty li jmexxi l-Kunsill Veskovili għaż-Żwieġ u l-Familja u żewġ membri lajċi tal-istess Kunsill.

Il-Papa Franġisku

Qabel telaq mill-Irlanda lejn Ruma bix jattendi l-Konferenza. L-Isqof  Nulty qal li “Il-Papa Franġisku jħobb lix-xjuħ u mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu, f’diversi okkażżjonijiet enfasiza r-rwol indispensabbli tal-anzjani fid-djalogu maż-żgħażagħ biex jgħaddulhom il-fidi u jgħinuhom jiskopru l-għeruq tagħhom.

 “Billi l-lum, il-ħajja qed titwal u l-popolazzjoni tixjieħ, il-Papa appella lill-anzjani biex ikunu aktar protagonisti u ma jibqgħux lura”.

L-Isqof Irlandiż żied jgħid li “jien inqis din il-Konferenza bħala konferma tar-rwol ewlieni li l-anzjani għandhom fil-Knisja u fis-soċjetà tal-lum.  Il-Papa Emeritus Benedittu XVI kien irrikonoxxa dan ir-rwol importanti meta fl-2008 kiteb talba apposta għalihom. Ħafna djoċesijiet fl-Irlanda  għandhom fergħat attivi tal-Assoċjazzjoni tan-Nanniet Kattoliċi, li bdew fl-Irlanda u llum infirxu madwar id-dinja.  F’Settembru ta’ kull sena l-Assoċjazzjoni torganizza pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Madonna f’Knock.”

Il-Papa Franġisku se jiltaqa, mal-parteċipanti tal-Konferenza f’udjenza speċjali, għada, il-Ġimgħa.