Konferenza Ekumenika Amerikana tenfasizza l-Persekuzzjoni tal-Insara

Il-Ġimgħa li għaddiet, fl-Istati Uniti saret Konferenza Ekumenika kbira li ddiskutiet il-persekuzzjoni tal-insara fil-Lvant Nofsani u anke fl-Art Imqaddsa.
Din il-konferenza annwali bdiet issir mill-2014’l hawn wara d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Bartolomew li fiha ġeddew is-sejħa għal kooperazzjoni akbar bejn il-Kattoliċi, l-Ortodossi u nsara ta’ denominazzjonijiet oħra. Fl-istess Dikjarazzjoni kienu esprimew it-tħassib kbir tagħhom dwar is-sitwazzjoni tal-insara fil-Lvant Nofsani u d-drittijiet tagħhom li jibqgħu ċittadini sħaħ f’art twelidhom.
Matul il-konferenza l-akbar attenzjoni kienet fuq il-gwerra ċivili fis-Sirja. Kienet diskussa wkoll il-persekuzzjoni  tal-insara Kopti li jirrappreżentaw 10% tal-popolazzjoni fl-Eġittu li sfaw vittmi ta’ atti terroristiċi u diskriminazzjoni.
Il-Konferenza semgħet statistika li twaħħax dwar il-persekuzzjoni tal-insara, miġbura minn gruppi li jaħdmu favur id-drittijiet umani.
Intqal li filwaqt li l-insara jagħmlu kważi 30% tal-popolazzjoni tad-dinja, 80% tal-atti ta’ diskriminazzjoni reliġjuża huma mmirati lejn dawn l-insara.  Id-dipartiment tal-Istat Amerikan isostni li l-insara huma persegwitati f’60 pajjiż differenti.
Fil-konferenza pparteċipaw rappreżentanti tal-insara li huma persegwitati fosthom rappreżentanti tal-Knejjes Kopti tas-Sirja, Armenia u Antijokja u l-knejjes Ortodossi Griegi kif ukoll il-Kattoliċi. Ħadu sehem ukoll gruppi li jaħdmu favur id-drittijiet imani kif ukoll avukati ewlenin fl-Istati Uniti.  Il-Gvern Amerikan, is-Senat u l-Kamra tar-Rappreżentati minn esponenti ewlenin.