Konferenza dwar ir-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali

L-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi Soċjali u l-Akkademja Pontifiċja għax-Xjenzi organizzaw flimkien seminar ta’ jumejn fil-Vatikan dwar l-Impatt tar-Robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali fuq l-umanità.

It-tema ta’ din il-Konferenza Internazzjonali kienet “Ir-Robotika, l-Intelliġenza Artifiċjali: xjenza, etika u politika”.

F’nota qabel il-konferenza ż-żewġ Akkademji spjegaw l-avvanzi riċenti li saru fl-intelliġenza artifiċjali u r-robotika li qajmu interess u dibattitu ġenerali dwar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi ta’ dawn l-avvanzi fuq l-umanità.

Teknoloġiji emerġenti

L-organizzaturi qalu li dawn it-tekonoloġiji emerġenti għandhom implikazzjonijiet f’setturi bħalma huma l-mediċina, il-kura, l-impjiegi, it-trasport, il-manifattura, l-agrikutura u saħansitra fil-kunflitti armati.

Filwaqt li ngħata attenzjoni konsiderevoli għar-robotika u l-intelliġenza artifiċjali f’dawn is-setturi, issa hemm bżonn li jkollna stampa aktar kompleta tal-konnessjonijiet u l-konsegwenzi li dawn jista’ jkollhom fuq l-umanità.

Barra milli eżaminat aspetti ta’ riċerka ġdida fir-robotika u l-intelliġenza artifiċjali, l-konferenza ddiskutiet ukoll l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà, ir-riskji għall-paċi u l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll id-dimensjoni etika u reliġjuża.

Fost affarijiet oħra l-parteċipanti fil-konferenza ffukaw fuq l-implikazzjonijiet tar-relazzjoni bejn ir-robot u l-persuna jista’ jkollhom fuq is-soċjetà, id-differenzi bejn pajjiżi fqar u sinjuri, bejn komunitajiet rurali u urbani, bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani.

Il-Papa Franġisku

Anke l-Papa Franġisku wera interess f’din il-materja. F’messaġġ li kien bagħat lill-Foirum Ekonomiku Dinji li ltaqa’ f’Davos f’Jannar 2018 kien appella biex ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali u l-innovazzjonijiet teknoloġiċi oħra jintużaw biex jikkontribwixxu “għas-servizz tal-umanità u għall-protezzjoni tad-dar komuni tagħna”.

Qabel, fl-Enċiklika Laudato Si, il-Papa kien ikkwota lis-saċerdot Romano Guardini li nnota li x-xjenza u t-tekonoloġija jistgħu jwasslu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja, iżda lmenta li “l-iżvilupp teknoloġiku kbir li sar ma kienx akkumpanjat minn żvilupp fir-responsabbiltà umana, fil-valuri u anqas fil-kuxjenza”.

Din mhux l-ewwel darba li l-Vatikan organizza konferenzi fuq l-Intelliġenza Artifiċjali u r-Robotika.