Coronavirus: “Aktar minn 40 test negattiv; 350 professjonisti mħarrġa”

Read in English.

L-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta qalu li s’issa saru aktar minn 40 test għall-coronavirus u li hemm madwar 350 professjonisti tas-saħħa mħarrġa għal t’apposta dwar il-virus.

Is-Sovritendenza tas-Saħħa Pubblika llum organizzat konferenza stampa dwar il-coronavirus.

Is-Supretendent għas-Saħħa, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li jirrakkomandaw li nies jevitaw vjaġġar li ma jkunx essenzjali. Madankollu qalet li s’issa m’hemmx projbizzjoni fuq vjaġġar lejn xi pajjiż jew ieħor.

Dwar l-iskejjel Gauci qalet li huwa importanti li jkunu implimentati miżuri ta’ ħasil tal-idejn. Tajjeb ukoll li tfal ikollhom hand sanitisers jew wipes.

Gauci qalet li wieħed għandu jixtri ikel kemm ikun hemm bżonn. Żiedet tgħid li jekk kulħadd imur jixtri ikel kemm jiflaħ ikun hemm min għandu ikel għal sentejn u jkun hemm oħrajn li ma jkollhom xejn.

Gauci fakkret li s’issa għad mhemmx każijiet ta’ COVID-2019 f’Malta. Fakkret ukoll fi stqarrija li bagħtu l-awtoritajiet illum fejn qed iħeġġu lil nies li jkunu ġejjin minn għadd ta’ pajjiżi biex jinżammu kwarantina għal ġimagħtejn.

Il-Professur Michael Angelo Borg qal li sar taħriġ ma’ 350 professjonist tas-saħħa.

Iċ-Chairperson tad-Dipartiment tal-Patoloġija Christopher Barbara qal li l-COVID-19 mhux xi ħaġa tal-biża’. Qal li l-biża’ ġejja għaliex huwa virus ġdid.

Barbara qal li lbieraħ saru 44 test għall-coronavirus. Dan mhux għax kien hemm daqstant każijiet suspettati imma għax ix-xjentisti qed jagħmlu testijiet għall-COVID-19 flimkien ma’ testijiet għal mard ieħor. Dan huwa każ ta’ sentinel surveillance. Barbara spjega li qed jintuża l-aktar test sensittiv f’Mater Dei biex jiġi identifikat il-COVID-19.

Dr Christopher Barbara juri l-iswab li qed tintuża’ għat-test tal-COVID-2019 – Christoph Schwaiger

Fuq livell individwu, Prof. Gauci qalet li wieħed ma tantx jista’ jagħmel ħlief li jipprevjeni milli jimrad. Dan jista’ jsir speċjalment bil-ħasil tajjeb tal-idejn.

Il-Prof. Borg qal li wieħed irid joqgħod attent għal kull virus li jkun ġdid. Però żied jgħid li xi kummenti li qed jara fuq il-midja soċjali huma esaġerati. Fil-fehma ta’ Borg Malta hi attrezzata “daqs jew aħjar” minn postijiet oħra fejn tidħol il-prevenzjoni.

Prof. Borg jemmen fl-użu tal-maskri f’postijiet speċifiċi bħal ma huma l-isptarijiet. Qal li fi sptar it-tobba u l-infermiera bilfors iridu jkunu viċin pazjent. Kompla jgħid li l-isptar Mater Dei huwa preparat daqs sptarijiet oħra. Saħaq li l-professjonisti tas-saħħa li għandhom bżonn ikunu jafu x’jgħamlu f’każ li jkun hemm il-COVID-19 għandhom it-taħriġ neċessarju.

Skont Borg l-isptar għandu biżżejjed maskri.

Il-konferenza saret fl-Isptar San Luqa.

Il-Gvern iddikjara li f’Malta m’hawn l-ebda każ tal-coronavirus s’issa. Madankollu, fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li qed jespandi s-sorveljanza tiegħu għal iżjed pajjiżi.

Dan ġara ftit wara li Newsbook.com.mt żvela li żewġ persuni li waslu Malta minn Bergamo lbieraħ kellhom id-deni. Dr Martin Balzan mill-Medical Association of Malta qal li dawn qed jinżammu taħt osservazzjoni.

Filmat: Miguela Xuereb
Rappurtaġġ addizzjonali: Sephora Francalanza