Komunikazzjoni bil-kompjuter: tista’ tkun perikoluża u tista ssib l-imħabba ta’ ħajtek!

Kull min huwa midħla tas-sit Facebook forsi nduna li kull meta wieħed jidħol f’dan is-sit, isib domanda tat-tip: ‘kif qed tħossok illum?’, ‘x’qed tagħmel bħalissa?’ jew ‘x’inhu għaddej f’ħajtek?’.

Facebook qed jagħmel dan biex jinkoraġixxi lin-nies ibiddlu l-‘istatus’ tagħhom.

Filwaqt li ħafna ma tantx jieħdu dawn id-domandi bis-serjetà, oħrajn saħansittra qed jużaw il-kompjuter bħala l-mezz ewlieni tal-komunikazzjoni tagħhom. Umbad hemm min iltaqa’ mal-maħbuba ta’ ħajtu permezz tal-internet.

L-ispeech language pathologist Joseph Agius stqarr magħna li jara ħafna każijiet ta’ nies li jkollhom problemi biex jikkomunikaw, u fil-Facebook isibu żvog għaliex jissieħbu fi gruppi fejn ikun hemm persuni li għaddejjin mill-istess problemi.

Qal li dawk li nsejħulhom ‘social networking sites’ huma mezz validu ta’ komunikazzjoni. Il-problema hi li 7% biss tal-komunikazzjoni tagħhna hija bi-kliem.

Iżda mingħajr espressjonijiet tal-wiċċ u tal-idejn, Jes Saliba mill-Fgura irnexxielu jikkomunika ma’ Aneta, tfajla mill-Polonja. Kif tistgħu tisimgħ fl-awdjo, illum il-ġurnata miżżewġin b’żewġt itfal.

Il-mistoqsija tiġi waħedha: kif jista’ jkun li minn wara kompjuter bniedem jagħżel fost l-eluf ta’ nies li jkunu fuq l-internet u jibni xi ħaġa daqshekk sinnifikanti?

Bħal kull għodda oħra, social networking sites jippreżentaw numru ta’ perikli apparti d-diversi vantaġġi. Wieħed irid joqgħod attent x’tip ta’ ritratti jitfa’, x’tip ta’ informazzjoni jagħti, u jkun ċert mid-drittijiet tiegħu meta jżur siti bħal facebook.

Nhar l-Erbgħa l-ispeech language pathologist se jagħmel diskors dwar il-komunikazzjoni permezz ta’ dawn il-mezzi, liema diskors se jsir fl-Università ta’ Malta.