“Kompromess tax-xitan bejn Muscat u Fearne dwar Gafà” – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sejjaħ il-ftehim bejn il-Prim Ministru Muscat u l-Viċi Prim Ministru Fearne dwar Neville Gafà biex jaħdem fil-Ministeru għas-Saħħa volontarjament “kompromess tax-xitan.”

Waqt kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia qal li Muscat u Fearne kellhom jaraw kif jilħqu kompromess dijaboliku minħabba n-nuqqas ta’ qbil tagħhom dwar Gafà, peress li Chris Fearne keċċieh iżda Joseph Muscat faħħru, allura għażlu li jħalluh jaħdem fil-Ministeru volontarjament. Huwa qal li segwa l-istorja b’rabja għaliex din il-mossa hija ta’ disprezz lejn il-volontarjat kollu u mod fjakk kif issir il-politika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li l-Prim Ministru issa qed isib ruħu f’sitwazzjoni skomda, fejn jinsab b’idejh marbutin minħabba li għandu wħud mill-ministri bħal Chris Fearne u Evarist Bartolo li jriduh ikeċċi lil Ministru Konrad Mizzi, u mbagħad, għandu lil Konrad Mizzi fuq naħa oħra li jinkoraġġih biex jibqa’ jagħmel ħażin.

Delia tkellem ukoll fuq min jinsab waħdu fi żmien il-festi, u qal li tul dawn l-aħħar xhur iltaqa’ ma’ nies li saħansitra qalulu li mnalla għandhom karozza biex joqogħdu fiha la jispiċċaw bla saqaf fuq rashom minħabba li ma jlaħħqux mal-kera. Huwa faħħar l-inizjattiva tal-Caritas li f’jum il-Milied se torganizza ikla għal 500 ruħ li m’għandhomx fejn imorru jieklu.