Kompetizzjoni tal-presepji; 10 jiġu esebiti f’Washington DC

10 presepji Maltin u Għawdxin se jkunu qegħdin jiġu esebiti fil-mużew ta’ fama internazzjonali, Museum of the Bible f’Washington DC bejn Novembru 2020 u Jannar 2021.

Sabiex jintgħażlu dawn il-presepji d-Direttorat fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali nieda kompetizzjoni bil-għan li jingħata lill-presepisti u lill-artisti Maltin u Għawdxin iktar għarfien internazzjonali għall-ħiliet tagħhom. Il-presepju li fl-eventwalità jiġi ġġudikat fl-ewwel post se jibqa’ esebit fil-mużew b’mod permanenti.

Il-presepji li se jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni għandhom ikunu lesti u mwassla fil-post indikat mid-Direttorat tal-Kultura sat-Tlieta 15 ta’ Settembru 2020. Il-ministeru spjega li ntlaħaq ftehim sabiex presepist wieħed ma’ kull presepju li jiġi magħżul se jkollu l-vjaġġ bejn Malta-Washington-Malta mħallas fuq bażi Economy Class.

Il-Ministru Josè Herrera qal li permezz ta’ din il-wirja l-presepisti Maltin u Għawdxin se jkunu nkoraġġuti u jiftħu t-tradizzjoni biex ix-xogħol tagħhom ikun iktar rikonoxxut madwar id-dinja f’dan il-qasam ta’ turiżmu reliġjuż.

Min hu interessat jipparteċipa, jista’ jibgħat email  lil emanuel.e.vella@gov.mt sa 31 ta’ Lulju 2020. Se tinżamm laqgħa ta’ informazzjoni għal dawk kollha li huma interessati jipparteċipaw f’din il-wirja nhar il-Ħadd 2 ta’ Awwissu 2020 fl-10.00 a.m.

Il-post fejn se ssir il-laqgħa se jkun ikkomunikat lil kull min jagħmel kuntatt mad-Direttorat tal-kultura.

Ir-regolamenti biex wieħed jieħu sehem jistgħu jitniżlu minn hawn.