Kompetizzjoni tal-Commonwealth għal stejjer qosra

Wieħed mill-proġetti ewlenin tal-Commonwealth Writers, jiġifieri il-proġett Commonwealth Short Story Prize, bħalissa qiegħed jilqa’ stejjer qosra ta’ bejn 2,000 u 5,000 kelma f’din il-kompetizzjoni tant partikolari. 
Dawk li jissottomettu storja, jagħmlu dan mingħajr ħlas, bir-rebbieħa reġjonali jirċievu premju ta’ 2,500 lira Sterlina u bir-rebbieħ overall jirċievi premju ta’ 5,000 lira Sterlina. 
L-istejjer iridu jkunu nkitbu bl-Ingliż inkella ġew tradotti għall-Ingliż minn numru ta’ lingwi oħra fosthom iċ-Ċiniż, il-Portugiż u t-Tamil.  
Fi stqarrija tal-Commonwealth Writers jingħad li l-għaqda qiegħda tfittex stejjer li qatt ma tkun semgħat bihom qabel, speċjalment min pajjiżi fejn ftit li xejn hemm infrastruttura ta’ pubblikazzjonijiet. 
Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni internazzjonali jitħabbru fil-pubblikazzjoni Granta filwaqt li s-sottomissjonijiet huma aċċettati sal-1 ta’ Novembru li ġej.