​Kompetizzjoni qawwija fl-Autocross u fil-Motocross

L-attività mis-Sezzjoni muturi Trials li kellha ssir nhar il-Ħadd li għadda fil-barriera ta’ Torri Falka ġiet imħassra minħabba l-maltemp.
Il-Kumitat Organiżattiv mistenni jħabbar data oħra iktar il-quddiem.
Nhar il-Ħadd li ġej, jekk it-temp jippermetti, ikomplu l-attivitajiet organizzati mill-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi (ASMK), bl-għaxar tiġrija tal-Karozzi Autocross u r-raba’ tiġrija tal-Muturi Motocross.
L-ewwel tiġrija tibda fil-11:00am.
Ħarsa ħafifa lejn il-klassifiki tas-Sezzjoni Autocross sal-aħħar tiġrija naraw li fil-Kampjonat Nazzjonali Melo Zammit fuq Ford Escort ikompli jiddomina u jiddefendi l-ewwel post b’154 punt.
Zammit jinsab segwit min Gordon Johnson fuq Peugeot 205 b’116 il-punt, b’Johnson javanza pożżizjoni biex issa spiċċa quddiem Christian Mark Galea fuq Fiat Ritmo li issa jinsab fit-tielet pożizjoni b’115 punt.
Viċin ta Galea jinsab Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo b’110 punti.
Fl-attività li jmiss jista’ ikollna taqliba sħiħa fil-pożizjonijiet bejn Johnson, Galea u Farrugia, minħabba li hemm vantaġġ marġinali bejniethom.
Fis-Sezzjoni Gozo Autocross insibu lil Domnic Zammit fuq Alfa Sud li għadu fil-quċċata ta’ din il-klassi.
Zammit jinsab segwit minn Joseph Agius u Joseph Vella it-tnejn fuq Ford Fiesta u jinsabu fit-tieni u it-tielet post rispettivament.
Fir-raba pożizjoni insibu lil Marvin Grima fuq Opel Corsa.
Fil-Klassifiki tal-Muturi Motocross l-aħwa Camilleri jiddominaw il-klassijiet A u B.
Clayton isuq mutur KTM 250cc u qed jiddomina il-klassi A b’75 punt.
Dan ifisser li Camilleri diġa irreġistra tliet rebħiet wara xulxin segwit mill-aħwa Muscat fejn Paul Muscat fuq mutur KTM 250cc jinsab isegwi lil Camilleri b’66 punt.
Paul Muscat jinsab segwit min ħuh Trevor fuq mutur KTM 250cc b’56 punt. Fir-raba’ pożizjoni nsibu lil Edward Ciantar fuq Kawasaki 250cc u għandu 54 punt fi tliet attivitajiet.
Fi Klassi B Motocross insibu lil Kyle Camilleri fuq Suzuki 85cc li jinsab jokkupa l-ewwel pożizjoni f’din il-klassi b’75 punt segwit min Pierre Jourdan fuq mutur KTM 150cc b’44 punt.
Camilleri u Jourdan jinsabu segwiti min Karl Micallef fuq mutur Honda 250cc b’42 punt.
Fir-raba pożizjoni jinsab Nicovich Chircop fuq mutur KTM 85cc b’34 punt.