Kommessi li tissaħħaħ il-konsultazzjoni mal-MCESD – Carmelo Abela

MSD

Il-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem. Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal dan waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Abela qal li din il-konsultazzjoni għandha tissaħħaħ b’mod iżjed konkret, miftuħ u effiċjenti, bil-għan li l-Kunsill ikun iżjed effettiv fl-operat tiegħu bħala organu konsultattiv, skont kif tgħid il-liġi, li jipprovdi soluzzjonijiet għal sfidi ekonomiċi u soċjali li l-pajjiż ikun għaddej minnhom.

Abela semma li wara li jsaħħaħ l-MCESD mill-angolu amministrattiv se jkun qed isaħħaħ ir-riżorsi umani u bħala Ministru huwa dispost li mas-sħab soċjali jkun hemm diskussjoni fuq il-liġi li tirregola lil dan il-Kunsill, sabiex dan ikun iżjed effettiv. 

Il-Ministru Abela qal kif l-għan tal-gvern huwa li jsaħħaħ id-djalogu soċjali bħala parti mit-tisħiħ tad-demokrazija. Żied li għandu jkun hemm għan komuni sabiex jaħdmu flimkien u jġibu r-riżultati li jaslu għand in-nies. Il-Ministru wera l-apprezzament tiegħu għad-diversi temi li ġew diskussi speċjalment fil-ħidma fuq ir-rapport tal-Moneyval, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja li wassal għal numru ta’ bidliet f’diversi liġijiet bi qbil bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni. 

Abela qal li biex ikun hawn governanza tajba, kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu skont il-każ, dejjem skont ir-responsabbiltajiet ta’ kull istituzzjoni u organizzazzjoni.

F’din il-laqgħa, il-Ministru Abela u l-isħab soċjali rringrazzjaw lil John Bencini għat-tmexxija tiegħu bħala Chairperson tal-MCESD f’dawn l-aħħar seba’ snin. Fl-aħħar intervent tiegħu f’dan il-Kunsill, Bencini qal li d-djalogu soċjali f’Malta huwa b’saħħtu u hekk għandu jibqa’. Żied li pajjiż mingħajr djalogu soċjali jkollu xi ħaġa nieqsa. Huwa wera l-gratitudni tiegħu ghall-koperazzjoni li sab fis-snin li kien qed imexxi dan il-Kunsill.

MSD

James Pearsall mexxa l-ewwel laqgħa tiegħu bħala ċ-Chairperson il-ġdid tal-MCESD.