​Kolumbja: Żewġt itfal kull siegħa vittmi ta’ abbuż sesswali

Kull siegħa, żewġt itfal fil-Kolumbja jiġu abbużati sesswalment – 41% minnhom huma vittmi fi ħdan l-istess familja tagħhom.
Il-parti l-kbira tat-tfal abbużati huma bniet ta’ età bejn 10 u 13-il sena.
Studju mill-Istitut Nazzjonali tal-Mediċina Legali u Xjenzi Forensiċi bbażat f’Bogotà qal li l-medja ta’ abbuż sesswali fuq tfal fil-pajjiż hi ta’ 39 kuljum.
L-istudju ġie ppubblikat fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-prevenzjoni tal-abbuż fuq it-tfal.
Jidentifika tliet fatturi li jżidu r-riskju li t-tfal jisfaw vittmi – familji li jitkissru, nuqqas ta’ komunikazzjoni mat-tfal, u li huma nies oħra, mhux il-ġenituri tagħhom, li jieħdu ħsiebhom inkluż minħabba raġuni ta’ xogħol.