Kolonni fl-emerġenza mhumiex b’saħħithom biżżejjed

Minn numru ta’ testijiet li għamel kuntrattur imqabbad mill-Gvern, jidher li l-konkrit li ntuża f’numru ta’ kolonni fil-bini tad-dipartiment tal-emerġenza ta’ Mater Dei mhuwiex b’saħħtu biżżejjed u hu ta’ kwalità ferm inferjuri.
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa qal kif fl-aħħar xhur bdiet il-ħidma fuq il-pjan ta’ espanzjoni ta’ bini fuq id-dipartiment tal-emerġenza għal 68 sodda ġdida.
Bħala parti mix-xogħlijiet, saru numru ta’ testijiet, primarjament fuq kolonni u strutturi li saru bejn Frar u Marzu tal-1996. Il-konklużjonijiet tat-testijiet se jkunu magħrufa fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministeru żied jgħid li f’din is-sitwazzjoni li affaċċja, il-Gvern se jordna li jsir studju ġenerali li jkopri l-isptar kollu u se jaħdem ukoll biex jinstab sit alternattiv fejn issir l-espanzjoni tat-68 sodda.
Żied jgħid li dan irid isir b’mod urġenti sabiex ma jintilfux il-fondi tal-Unjoni Ewropea li huma marbutin biż-żmien. Barra minn hekk qal ukoll li l-Gvern se jibqa’ jikkonsulta mal-unjins ikkonċernati f’kull pass li jieħu.