“Kollox sejjer għall-agħar f’Malta” – immigrant

Miguela Xuereb

Read in English.

Żagħżugħ Eritrean li qatta’ tliet xhur jgħix fiċ-Ċentru tal-Akkoljenza tal-Marsa qal li huwa post ħażin ħafna. Oħrajn ilmentaw li l-kontejners li joqogħdu fihom fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far huma kesħin u li xebgħu msakkrin fiċ-Ċentru meta huma telqu minn pajjiżhom biex jiksbu l-libertà. L-immigranti donnhom jaqblu li kollox sejjer għall-agħar f’Malta.

Dawn il-kummenti l-immigranti għaddewhom lill-ġurnal The Irish Times, li ppubblika artiklu dwar is-sitwazzjoni li jsibu ruħhom fiha l-immigranti malli jaslu Malta.

Sally Hayden tirrapporta li l-għexieren ta’ refuġjati li jaslu jieħdu gost meta l-uffiċjali jgħidulhom li se jiġu invistati, għax jaħsbu li dak se jkun l-aħħar pass qabel jingħataw xi appartament jew xi mkien sigur fejn joqogħdu. Minflok, jieħdu ferħa bla temma meta jitpoġġew ġo ċentru ta’ detenzjoni b’ħafna restrizzjonijiet għal tliet xhur.

Immigrant ieħor li tkellem ma’ The Irish Times qal li ma jaħsibx li hu possibbli li jintegra f’Malta, u joħlom li jmur jgħix il-Lussemburgu, fejn jixtieq jitħarreġ bħala mekkanik. Qal li apparti mal-awtoritajiet, ma tkellimx mal-Maltin.

Żagħżugħ ieħor ta’ 17 qal li ilu Malta seba’ xhur, u problema li tkun Malta. Qal li jħoss kollox sejjer għall-agħar. Peress li ma jafx Ingliż, qed isibha diffiċli biex isib xogħol. Stqarr mal-ġurnalista Sally Hayden li xeba’ f’Malta għax m’hawnx skola fejn jista’ jitgħallem u qed jiġi sfurzat jaħdem meta hu jrid jistudja l-Ingliż. “Ma rridux nibqgħu hawn, irridu nimxu ‘l quddiem. M’hemm xejn iżjed importanti milli nimxu ‘l quddiem.”

Ala ħallas $10,000 għall-vjaġġ tiegħu mill-Eritrea, fejn qatta’ sentejn fil-Libja, b’għadd ta’ xhur minnhom fiċ-ċentri tad-detenzjoni fejn in-nies jiġu sfruttati.

Żagħżugħ mis-Somalja qal li jekk tkun taħt l-età jew ikollok wisq età xorta trid tmur taħdem. “Bla skola, bla studju, xejn,” ilmenta ż-żagħżugħ. Qal li kulħadd qed jipprova jsalva, kulħadd qed jiġri wara l-flus u hekk ma tistax tinbena komunità.

Fl-2019, waslu Malta madwar 3,400 immigrant. Din il-ġimgħa, Kahin Ismail, ir-rappreżentant għall-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda, qal li 1,400 persuna qed tinżamm illegalment fiċ-ċentri tal-Marsa u ta’ Ħal Safi. Ir-rapport jgħid li wħud minnhom inżammu sa ħames xhur ġoċ-ċentri.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern Michael Farrugia qal t-talbiet ta’ Malta għar-rilokazzjoni tal-immigranti ma ġewx imwieġba.

Fl-aħħar xhur, is-sitwazzjoni tal-immigranti f’Malta eskalat. Jumejn ilu, il-Forzi Armati daħħlu 99 immigrant oħra. Il-ġimgħa li għaddiet inqalgħu żewġ rewwixti fiċ-ċentri fejn jirrisjedu l-immigranti, wieħed f’Safi Barracks f’Ħal Kirkop u ieħor fiċ-Ċentru tal-Marsa, fejn kien hemm ukoll nirien. Skont il-Pulizija, l-immigranti kienu qed jipprotestaw biex jingħataw il-ħelsien. B’kollox, 42 immigrant tressaq il-qorti minħabba dawn iż-żewġ każijiet.