“Kollox lil tal-qalba” – Delia dwar James Piscopo

Read in English.

Waqt li kien qed jitkellem fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista Net FM, il-Kap tal-Partit Adrian Delia tkellem dwar il-ħatriet li ngħata James Piscopo fi żmien qasir. Huwa semma kif wara li l-Gvern għamel liġi biex ikun hemm bord ta’ governanza fil-LANDS, biex l-affarijiet jidhru li qed isiru sew, il-Ministru qal lill-Gvernatur tal-istess bord biex James Piscopo jkollu aktar poteri. Delia semma wkoll li ftit ġimgħat wara huwa ngħata pożizzjoni oħra bħala Chairperson tal-ARMS.

Delia semma kif dan kollu juri l-Gvern qed jagħti aktar pożizzjonijiet għoljin lil ftit nies li huma tal-qalba sabiex ikunu jistgħu jieħdu mijiet ta’ eluf. Delia staqsa kif inu possibbli li persuna waħda biss hija kapaċi biex tmexxi dawn l-istituzzjonijiet kollha.

Fl-intervista Delia enfasizza l-bżonn li Malta tissieħeb ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa u barra mill-Ewropa sabiex tiddikjara emerġenza dwar it-tibdil fil-klima.

Delia qal li l-Ħamis li għadda l-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni dwar dan u qed jittama l-Gvern mhux biss jivvota favuriha iżda jittieħdu diversi miżuri sabiex tiġi indirizzata din il-problema qabel ikun tard wisq.

Matul din l-intervista Delia tkellem ukoll dwar l-inkjesta Egrant. Huwa qal li wara li f’Lulju li għadda l-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna għandhom jixhdu sabiex jgħidu minn fejn akkwistaw kopja tal-inkjesta Egrant, jumejn qabel ix-xhieda tagħhom għamlu talba l-Qorti biex ma jixhdux. Delia qal li l-argumenti li għamlu t-tliet Ministri, il-Qorti kienet diġà ddeċidiet li xorta kellhom jixhdu.

Delia għamel referenza wkoll għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed issir diffiċli biex issir ġustizzja u jinqabdu minn kien il-moħħ jew l-imħuħ wara dan l-assassinju. Huwa qal li għandu jiġi assigurat li kull persuna jkollha d-dritt li titkellem u tesprimi lilha nnifisha fil-libertà. Delia kompla l-poplu qed jistenna li l-inkjesta pubblika għandha tgawdi l-fiduċja tal-poplu kollu, xi ħaġa li s’issa ma tistax issir.

B’reazzjoni għal dak li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru huwa l-aktar persuna li għandu interess biex l-inkjesta egrant tiġi ppubblikata. Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li Adrian Delia għaġġel u mar il-Qorti biex tkun hi li tiddeċiedi dwar dan. Kompla li min jirrispetta r-rule of law għandu jirrispetta d-deċiżjonijiet tal-Qorti. il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Adrian Delia u għax inqabad f’kantuniera issa spiċċa jagħmel tiegħu din il-gidba temm jgħid il-Partit Laburista.