Kollox lest għas-86 edizzjoni tal-Oscars

Serata mistennija ferm minn bosta artisti dik tal-lejla, hekk kif f’Los Angeles kollox jinsab lest għas-86 edizzjoni tal-Oscars. 
Il-film, bid-direzzjoni tal-Ingliż, Steve Mc Queen, 12 Years a Slave qed jissemma li ser jirbaħ l-unur tal-aqwa film.  Dan l-istess film, huwa nnominat għal disa’ unuri.
Jared Leto u Matthew McConaughey huma fost il-favuriti li jirbħu l-unur għall-aqwa attur. 
Min-naħa l-oħra, Cate Blanchett, minkejja li qed tħabbatha ma Meryl Streep u Sandra Bullock, qed jingħad li hija fost il-favoriti li tirbaħ l-unur għall-aqwa attriċi.
Il-votazzjoni finali minn ‘l fuq minn 6,000 membru tal-Academy Awards spiċċat nhar it-Tlieta.
Madankollu, minkejja l-preparamenti kollha, jidher li din is-sena, l-aktar serata mistennija fid-dinja tal-ispettaklu, hija mhedda mit-temp.  Dan hekk kif hija prevista maltempata bix-xita.