Kollox lest għall-Malta International Open u l-FISTF Malta Grand Prix 2018

F'konferenza stampa li ġiet organizzata fil-bini tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, ingħataw l-aħħar dettalji rigward l-FISTF Malta Grand Prix kif ukoll il-Malta International Open tat-table football li se jkunu qed jiġu organizzati bejn is-Sibt u l-Ħadd li ġej f'Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta. L-International Open se jkun qed jiġi organizzat nhar is-Sibt li ġej, waqt li l-Grand Prix jintlagħab l-għada l-Ħadd.
F'dawn iż-żewġ avvenimneti internazzjonali se jkunu qed jieħdu sehem xejn inqas minn 102 parteċipanti ġejjin minn 10 pajjiżi fosthom Malta, l-Italja, il-Belġju, l-Awstralja, Spanja, l-Iskozja, il-Greċja, it-Tuneżija, ir-Russja u Franza.
Dawn it-tournaments se jkunu l-akbar tax-xorta tagħhom li qatt ġew organizzati f'pajjiżna għal dawn l-aħħar 15-il sena. 
Fihom se jkunu qed jieħdu sehem bosta plejers tal-ogħla livell fosthom il-plejer irrankjat fin-numru tnejn tal-kategorija Open, dak irrankjat fin-numru sebgħa fil-kategorija tal-Veterani, kif ukoll il-plejer irrankjat fin-numru tlieta tal-kategorija ta' taħt id-19-il sena.  
Se jkun hemm erba' kategoriji differenti ta' logħob, bil-partiti se jkunu qed jintlagħbu fuq 12-il mejda differenti f'daqstant sessjonijiet f'kull ġurnata.
Dawn il-kompetizzjonijiet qed jiġu organizzati b'mod konġunt mill-Valletta Subbuteo Club u l-Valletta Lions TFC. 
Fost oħrajn, indirizzaw din il-konferenza stampa is-Sindku tal-Belt Valletta l-Professur Alexiei Dingli, kif ukoll iċ-Chairman ta' SportMalta Dr Luciano Busuttil, bit-tnejn li huma jenfasizzaw l-importanza ta' dawn il-kampjonati, speċjalment għax se jkunu qed jinġiebu f'Malta players ta' livell internazzjonali tat-table footbal li żgur li għandhom jagħmlu reklam tajjeb għal pajjiżna. 
Huma faħħru bis-sħiħ il-ħidma tal-Malta Table Football Sport Association kif ukoll taż-żewġ clubs li jirrapreżentaw lill-Belt Valletta f'dan l-isport, għall-fatt li qed jgħinu bis-sħiħ biex it-table football ikompli jikber fil-popolarità f'pajjiżna.