Kollox lest għall-finali tal-Kampjonat Krafft

Nhar il-Ħadd li ġej issir il-finali tal-Kampjonat Krafft riservat għal żwiemel tal-Klassi Silver. Dan il-Kampjonat kien l-itwal wieħed mill-Kampjonati kollha peress li din il-klassi fiha ammont kbir ta’ żwiemel u għaldaqstant kellhom jidħlu erba' fażijiet biż-żwiemel jiġru l-heats fl-24 ta’ Marzu, kwarti tal-finali fis-seba' t’April u s-semi finali fl-20 t’April.
Kienu 113-il żiemel li pparteċipaw fl-ewwel fażi u issa nhar il-Ħadd se jkunu 11 li se jippuntaw biex jirbħu dan l-unur wara li wieħed mir-rebbieħa tas-semi finali mhux se jipparteċipa.
Id-distanza tal-finali hija 2140m u bħala fond ta’ premjijiet hemm total ta’ €1600 bir-rebbieħ jieħu €900.
Din it-tiġrija tkun is-sitt waħda fil-programm u tibda fl-3.45 pm.