Kollox lest għall-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza

Ritratt: Kurja – knisja.mt/ritratti

Għada, l-ewwel ta’ Jannar, se ssir l-24 edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ta’ kull sena torganizza d-Dar tal-Providenza, biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħha. 

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa mill-Arċisqof Charles Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl. Taħt it-tinda se jkun hemm ukoll il-voluntiera biex jilqgħu d-donazzjonjiet tal-pubbliku. Kull min se jkun qed iżur id-Dar tal-Providenza se jkun qed jingħata rċevuta tad-donazzjoni tiegħu.

Fl-okkażjoni tas-sena li fiha l-Knisja se tkun qed tfakkar il-100 sena mit-twelid ta’ San Ġwanni Pawlu II, matul il-ġurnata fil-kappella se tkun esposta għall-qima u t-talb tal-pubbliku relikwa b’garża bid-demm tiegħu ta’ meta Mehmet Ali Ağca sparalu fi Pjazza San Pietru fit-13 ta’ Mejju 1981. Din ir-relikwa rregalata lid-Dar soru Maltija li kienet assistiet lill-Papa waqt li kien rikoverat fil-Policlinico Gemelli.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt Fr Martin Micallef qal li bħala proġetti għas-sena li ġejja, hemm il-ftuħ ta’ dar ġdida fil-Komunità tal-Balluta; refurbishment u installazzjoni ta’ lift ġdid f’Dar Żerniq, fis-Siġġiewi; refurbishment tal-erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni u kors ta’ taħriġ speċjalizzat minn professjonist barrani għall-maniġment u l-ħaddiema dwar “Imġiba Diffiċli”.

Għall-benefiċċju ta’ dawk li se jżuru d-Dar tal-Providenza se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn it-3pm u d-9pm mit-triq ta’ San Niklaw (ir-runway l-antik). Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi jistgħu jsegwu l-Kampanja li se tkun imxandra live fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin. 

Donazzjonijiet jistgħu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza jew permezz tat-telefown kif ġej:

Donazzjoni         €10       –     516 02 012

Donazzjoni         €15       –     517 02 013

Donazzjoni         €25       –     518 02 014

SMS Donazzjoni     €7    –     506 18 922