Kollox lest għal kwarti tal-finali

Ftit tas-sigħat oħra nerġgħu nkomplu ngħixu l-emozzjoni li taf toffri t-Tazza tad-Dinja tal-futbol, issa li l-kompetizzjoni waslet fil-fażi finali.
Fis-6pm, l-ewwel logħba mill-kwarti tal-finali, li se tkun kollha kemm hi Ewropea, bejn Franza u l-Ġermanja.
Konfront li se jlaqqa’ l-Franċiżi b’tim żagħżugħ u magħqud, kontra l-esperjenza tal-plejer Ġermaniżi.
Dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu tliet darbiet fl-edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja, meta l-Ġermanja kienet għadha mifruda bil-ħajt ta’ Berlin.
L-ewwel darba li ltaqgħu kien fil-finali għat-tielet u r-raba’ post tal-edizzjoni tal-1958 li kienet saret fl-Iżvezja.
Dakinhar il-Franċiżi kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 6-3 u ġew ippremjati fit-tielet post ta’ dik l-edizzjoni.
Imbagħad dawn iż-żewġ timijiet iltaqgħu f’żewġ edizzjonijiet fuq xulxin fis-semifinali.
Fl-edizzjoni tal-1982 li kienet saret fi Spanja, l-Ġermanja tal-Punent kienu għamluha għall-finali meta għelbu lil Franza bl-iskor ta’ 8-7.
Fl-edizzjoni ta’ wara, tal-1986, li kienet saret fil-Messiku, reġgħu kienu l-Ġermanja tal-Punent li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-0.
Intant fil-logħba l-oħra li għandna fl-10pm, hemm stennija kbira bejn il-Brażil u l-Kolumbja.
Il-Brażiljani qed jittamaw li Neymar ikunu fl-iskwadra tal-lejla, wara li kien imweġġa’.
Il-Kolumbjani wkoll huma ħerqana għal din il-logħba storika f’kull sens.
Din se tkun l-ewwel darba għalihom li se jilagħbu fil-kwarti tal-finali, l-ewwel darba li se jilagħbu kontra l-Brażil fit-Tazza tad-Dinja u qed jittamaw li l-ġojjell tagħhom James Rodriguez ikompli jiskurja u jwassalhom għar-rebħa.