“Kollox lest biex nagħmel lil Malta kburija” – Rebecca

Ritratt: Facebook/Rebecca Pace

Rebecca Pace ta’ 22 sena minn Birżebbuġa llum bdiet il-vjaġġ tagħha lejn il-Polonja fejn se tkun qed tieħu sehem fil-finali tal-kompetizzjoni Miss Supranational li se ssir fis-6 ta’ Diċembru.

Għal dan il-konkors Pace se tkun qed tikkompeti ma’ 80 pajjiż ieħor.

Il-Maltija kisbet id-dritt li tipparteċipa fil-konkors internazzjonali wara li rebħet il-konkors li l-Vogue Model Management organizzaw f’pajjiżna.

Fil-kummenti tagħha fuq il-midja soċjali, it-tfajla Maltija kitbet dwar kemm kienu mpenjattivi l-aħħar ħames ġimgħat biex tipprattika l-mixja tagħha, kif ukoll it-taħriġ fil-gym, u l-pariri dwar in-nutrizzjoni beix iżżomm il-figura tagħha.

Dan apparti li kellha tipprova bosta tibdiliet kif ukoll ix-xogħol fuq il-kostum nazzjonali li hija se tkun qed tilbes waqt il-kompetizzjoni fil-Polonja.

“Kollox lest biex nagħmel lil Malta kburija,” temmet tikteb hi.

Awguri Rebecca!