Kollox kien lest biex iwettqu serqa ġo bank minn taħt l-art

Il-Pulizija mid-Dipartiment Kriminali flimkien ma’ dawk tar-Rapid Intervention Unit waqt tfittxija li għamlu ġo garage fis-Swieqi sabu mina taħt l-art li tagħti fid-direzzjoni ta’ wieħed mill-vaults tal-fergħa tal-HSBC fis-Swieqi.

Il-Pulizija waslet għal din is-sejba wara li xi ħadd għamel rapport li xi persuni kienu qed jippreparaw biex iwettqu serqa minn ġol-bank imsemmi.

Hu mifhum li l-ħsieb wara dan it-tħaffir kien li l-persuni responsabbli, li għadhom mhux magħrufa, jidħlu fil-vault u jisirqu kull ma jsibu.

Il-garage jinsab f'kumpless ta' garages fi Triq il-Qatta fis-Swieqi. Minn hemm il-mina qasmet Triq il-Tiben biex kien fadal ftit metri biss biex tkun tista' tinfed mal-vault tal-bank.

Intant il-Pulizija għada għaddejja bl-investigazzjoni tagħha biex issib l-identita’ tal-persuni responsabbli.

Bil-każ kienet infurmata wkoll il-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli li ordnat inkjesta maġisterjali.