Kollox jindika li d-destin tar-razzett l-antik tal-Fgura huwa li jinqered – Is-Sindku

Is-Sindku tal-Fgura Pierre Dalli qal li b’dispjaċir jinnota li kollox jindika li d-destin tar-Razzett l-Antik huwa li jinqered. 

Il-Kunsill Lokali qall li wara li l-Kunsill kompla jieħu kull azzjoni possibli biex jigi salvat dan ir-razzett, fl-aħħar jiem irċieva żewġ deċizjonijiet li permezz tagħhom ikomplu jwittu triq sabiex din il-binja tispiċċa.

Fi stqarrija l-Kunsill Lokali spjega li l-ewwel deċiżjoni hija li l-Qorti ma laqgħetx it-talba tal-Kunsill Lokali għall-ħruġ ta’ Mandat ta’ Inibizzjoni biex iwaqqaf is-sidien tar-razzett milli jwaqqgħu l-binja sakemm tkun determinata talba ġdida għall-iskedar li l-istess Kunsill ressaq quddiem l-Awtoritajiet. It-tieni deċiżjoni titratta l-kommunikazzjoni mis-Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali Malti  fejn ikkonfermaw id-deċizoni li ħadu fl-aħħar xhur li kienet tgħid li r-razzett ma’ jimmeritax li jiġi skedat. 

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura kompla li filwaqt li jirrispetta d-deċizjonijiet tal-Qrati u tal-Awtoritajiet kompetenti, ma jistax ma jesprimix id-diżappunt tiegħu li dawn id-deċizjonijiet se jwasslu għal-qerda ta’ dan il-bini li jinkludu l-karatteristiċi u l-identità storika tar-razzett fil-Fgura, l-awtentiċità tal-post bħala l-uniku razzett li jirrappreżenta l-oriġini tal-lokalità, kif ukoll il-post li jinsab fil-punt minn fejn twieldet il-Fgura. 

L-istqarrija temmet li matul dawn l-aħħar 25 sena, il-Kunsill Lokali għamel dak kollu li setgħa sabiex isalva din il-binja fil-Fgura madankollu l-Awtoritajiet ma kinux tal-istess fehma.  

Il-Kunsill Lokali fakkar li bit-twaqqigħ ta’ dan ir-razzett se jkun qed jingħalaq kaptilu fuq l-istorja tal-Fgura minħabba li dan huwa l-aħħar bini tal-Fgura l-antika u l-aħħar parti tat-triq l-antika tal-Fgura li huwa mistenni li jinqerdu fiż-żmien li ġej.