“Kollox inbidel, imma ħaġa waħda hija ċerta: aħna se nibqgħu hawn” – Missio

Quddiem l-inċertezza maħluqa mill-pandemija, il-Knisja fil-missjonijiet turi r-rieda unanima tagħha li tibqa’ fil-missjoni, man-nies. L-Opri Pontifiċċji Missjunarji magħrufa f’Malta bħala Missio, ser iniedu filmat internazzjonali li fih missjunarji mid-dinja kollha u rappreżentanti tal-knejjes lokali jingħaqdu f’vuċi waħda biex jagħtu messaġġ ta’ tama lid-dinja: dawk l-iktar fil-bżonn se jkomplu jserrħu fuqhom. B’dan il-filmat nedejna il kampanja li twassalna għall-Jum Dinji Missjunarju, li se jsir fit-18 ta’ Ottubru mad-dinja kollha.

“Id-dinja nbidlet, u kollox jidher inċert … Il-ħajjiet inbidlu …”. Hekk jibda l-filmat AħnaGħadnaHawn (#WeAreStillHere), li juri b’mod korali diversi missjunarji u rappreżentanti tat-territorji tal-missjoni madwar id-dinja. “Imma ejjew ngħidulek xi ħaġa: ħaġa waħda żgur. Mhux se nitilqu”, ikompli. “Mhux se naqtgħu qalbna, għax aħna missjunarji. M’Alla m’hemm xejn impossibbli”. U jispiċċaw jitolbu biex ningħaqdu max-xogħol tagħhom.

Papa Franġisku enfasizza l-passjoni tiegħu għall-Missio, magħrufa f’Malta bħala Missio,
li jagħraf li l-missjoni hija fil-qalba u l-identità tal-Knisja, u n-netwerk globali jirrifletti lvarjetà rikka ta’ ‘nies b’elf wiċċ differenti’. Dawn l-uċuh jidhru f’vidjow ta’ ispirazzjoni li jgħaqqad aktar minn 30 missjunarju bbażati f’aktar minn 25 pajjiż differenti li jitkellmu varjetà ta’ lingwi. Missio Malta flimkien mal-Catholic Mission, Awstralja, ħadmu fuq dan il-vidjow ta’ kampanja globali ta’ għarfien, imnedija bħala parti mix-Xahar Dinji Missjunarju, u li qed jitqassam mal-Opri Pontifiċji Missjunarji madwar id-dinja kollha.

Dan il-filmat juri nies responsabbli ta’ djoċesijiet meqjusa bħala territorji ta’ missjoni, bħall-Kardinal Charles Maung Bo, Arċisqof ta’ Yangon (fil-Mjanmar), jew il-Ġiżwita Spanjol Kike Figaredo, Prefett Appostoliku ta’ Battambang (fil-Kambodja).

Għandu wkoll il-parteċipazzjoni ta’ missjunarji ta’ diversi nazzjonalitajiet, bħall-Patri Spanjol
José María Cantal Rivas, li mill-Alġerija jaħdem fi djalogu interreliġjuż. Jew Swor Veronika, missjunarja Kroata li tinsab fil-Gżejjer Solomon, taħdem mal-komunità Buma. Jew Dun Anton, missjunarju Għawdxi fil-Gwatemala, kappillan f’foresta tropikali. Jew Sister Francise, missjunarja Maltija fil-Pakistan, li taħdem mal-aktar emarġinati fis-soċjetà.

Kollha kemm huma, b’lingwi differenti li juru l-universalità tal-Knisja – Ingliż, Franċiż, Taljan, Ġermaniż, Spanjol, Malti, Swaħili, Korean, Tagalog, Burmiż … – imma b’messaġġ wieħed: fedeltà lejn il-missjoni, anke fil-mumenti avversi.

“Li jkollok missjoni huwa li tħobb. U l-imħabba tagħmel dak kollu possibbli. U hu għalhekk li ser nibqgħu hawn. ” Dan il-filmat huwa inizjattiva ta’ diversi Uffiċċji Nazzjonali tal-Opri Pontifiċji Missjunarji – l-istituzzjoni tas-Santa Sede li ssostni t-territorji tal-missjoni – madwar id-dinja. Dan iwassalna għal Ottubru, ix-xahar missjunarju per eċċellenza fil-Knisja, li l-qofol tagħha
huwa l-Ġurnata Missjunarja, li din is-sena hija ċċelebrata madwar id-dinja nhar il-Ħadd
18 ta’ Ottubru bis-slogan: “Hawn jien, ibgħat lili.”

Ispirati mill-kliem tal-Qdusija Tiegħu, inti mistieden fil-familja ta’ missjunarji madwar
id-dinja li qed itennu: “Aħna għadna hawn.”

Dan it-tagħrif twassal minn Missio Malta.