Kollox għandu indeċiż fi Grupp B tat-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani

It-Tuneżini dawru telfa f’rebħa li poġġiethom fil-quċċata ta’ Grupp B fit-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani.
Iż-Żambja li huma r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni, marru fil-vantaġġ fid-59 minuta permezz ta’ Emmanuel Mayuka.
Seba’ minuti wara l-istess Mayuka weġġa’ meta pprova jikkontrola l-ballun li rċieva mingħand Kalaba.
Dan il-plejer dam ħafna jiddewwa u ta cans lil Ahmed Akaichi jiskurja l-gowl tad-dro fis-70 minuta.
Finalment id-daqqa ta’ ras ta’ Yassine Chikhaoui fit-88 minuta, għamlet l-iskor finali 2-1.
Intant it-tieni logħba ħalliet lill-Cape Verde u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo fi dro ta’ mingħajr gowls.
Yolande Bolasie, li skurja kontra ż-Żambja, ftit li xejn impressjona u ma kienx aħjar mill-bqija ta’ sħabu fit-tim.
Għaldaqstant imn’alla kien il-gowlkiper Robert Kidiaba, li kellu salvataġġi brillanti li bihom żamm il-lasti bla mittiefsa u assigura l-punt għal pajjiżu.
Cape Verde kellhom bidu tajjeb permezz ta’ Julio Tavares u fit-tieni taqsima deher ukoll Cedrick Mabwati, li kien viċin ferm li jiftaħ l-iskor.
Wara dawn iż-żewġ logħbiet kollox għadu inċert, hekk kif it-Tuniżija qegħdin l-ewwel b’erba’ punti, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u Cape Verde għandhom żewġ punti u ż-Żambja b’punt.
Intant illejla jkollna żewġ logħbiet mill-aktar grupp interessanti, fejn l-Alġerija jilagħbu kontra l-Gana u l-Afrika t’Isfel kontra s-Senegal.