Kollox għalihom: Minn dgħajsa għal siġra għal billboard

Il-jiem u l-iljieli xitwin joffru sfida oħra lill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ).
F’temp ta’ ġimagħtejn assistew f’mill-inqas 16-il sitwazzjoni u neħħew il-perikli u l-iżgombri li jxekklu l-ħajja taċ-ċittadin.
Ma’ Newsbook.com.mt wieħed mill-uffiċjali elenka lista ta’ każi ta’ emerġenza li ntervjenew fihom membri minn sezzjonijiet differenti, fosthom mis-Sezzjoni Marittima u mill-Istazzjonijiet madwar Malta u Għawdex.
L-istaġun tal-maltemp għad-DPĊ fetaħ b’talba għall-għajnuna għal persuna fl-Isla li sabet ruħha f’diffikultà waqt li ppruvat issalva d-dgħajsa tagħha.
Dan segwa tneħħija ta’ siġra minn triq fi Blata l-Bajda, wara li waqgħet bir-riħ u tneħħija ta’ żewġ barriers f’Ħal Qormi: waħda wara li x’aktarx intlaqtet b’karozza u oħra li nġarret minħabba riħ qawwi.
Fil-bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa neħħew biċċa tal-injam li kienet qed tagħmel ħsara lid-dgħajjes fl-inħawi.
Fil-Gżira neħħew billboard li spiċċat f’nofs ta’ triq.
Il-pumpiera kienu strumentali wkoll biex tfew in-nirien li kienu qed jinfirxu u neħħew il-periklu, meta tqatta’ cable tal-elettriku.
F’Tas-Sliema, neħħew antenna tat-TV li kienet għoddha se taqa’ minn bejt ta’ residenza privata.
Mir-Rabat Malta, mill-Mellieħa, mill-Għargħur, minn San Pawl il-Baħar u minn Birżebbuġa neħħew siġar li kienu qed jagħlqu t-triq, filwaqt li minn Ħal Far neħħew oħra li kienet qed tistrieħ ma' ħajt.
F’Għawdex, il-membri tal-Protezzjoni Ċivili neħħew blokok tal-konkrit li kienu qed jagħlqu triq fl-Għarb u terrapien li kien qed jagħlaq l-aċċess għall-bajja tax-Xwejni fil-limiti taż-Żebbuġ. 
Ritratt: Arkivji