​Kollox beda b’karba ta’ uġigħ

Richmond, tifel ta’ sentejn, huwa l-ewwel minn diversi tfal li s-sena l-oħra ġew operati fl-isptar HopeXchange Medical Center, jew kif inhu magħruf “L-isptar Malti” fil-Ghana.
Fil-Ghana hemm inqas minn ħames kirurgi tat-tfal għall-popolazzjoni ta’ 26 miljun ruħ. Għaldaqstant, inħasset gratitudni kbira fost il-ġenituri tal-ewwel tfal li ġew operati mill-pedjatra Ġermaniża rinomata li tgħix f’Iżrael, Dr Britta Schwartzman.
Minn żmien għal żmien Britta qed tagħti mill-ħin u l-kapaċitajiet tagħha biex b’mod volontarju tgħin lil dawn it-tfal żvantaġġjati.
L-Isptar Malti fil-Ghana huwa inizjattiva tal-ICPE (Institute for World Evangelisation) li bdiet f’Malta fl-1985, mill-koppja Maltija Mario u Anna Cappello.  L-għan tal-Istitut hu li jħarreġ nies minn kull ġens biex isiru xandara tal-Kelma ta’ Alla b’mod effettiv.
Xena li qanqlitlu ħolma li jiftaħ sptar
Matul is-snin, l-ICPE tferrxet mal-erbat irjieħ tad-dinja. Waqt waħda miż-żjarat tiegħu fil-Ghana,  Mario ra xena ta’ tifla titgħawweġ bl-uġigħ u li għaliha ma setgħu jagħmlu xejn.  Din ix-xena qanqlitu biex jagħmel xi ħaġa għal dan il-poplu tant għal qalbu – u minn hemm bdiet il-ħolma tal-isptar.
Waqt din l-istess żjara, Mario mar ikellem lill-Isqof ta’ Kumasi ta’ dak iż-żmien, l-Isqof Peter Sarpong, u talab biċċa art biex fuqha jibni l-isptar.  Bla tlaqliq, l-Isqof irregala lill-Istitut biċċa art ta’ 6.5 etteri li fuqha nbena l-isptar. Fil-pront inħolqot il-Ghana Mission Foundation f’Malta. L-għan tal-Fondazzjoni kien li joħloq għarfien fuq il-proġett, u li jiġbor il-fondi biex jinbena l-isptar.
L-isptar Malti issa huwa lest grazzi għad-donazzjonijiet miġburin prinċipalment minn Malta. Qed ikompli jiġi attrezzat bl-aqwa apparat mediku li hawn fis-suq.  Illum, il-HopeXchange Medical Center qed igawdi l-appoġġ tal-Gvern tal-Ghana kif ukoll ta’ ħafna organizzazzjonijiet barranin li lesti jgħinu u jaħdmu fl-isptar bla ħlas.
Matul is-snin kienu ħafna l-Maltin u l-Għawdxin li taw il-kontribuzzjoni tagħhom biex dan l-isptar Malti wasal għal dak li hu llum. L-għajnuna finanzjarja waslet b’kull mod – ħafna flus inġabru mis-sejħa ta’ kull sena permezz ta’ fuljett li jitqassam f’kull dar. Kien hemm oħrajn li kitbu l-isptar fil-wirt, filwaqt li kien hemm ukoll uħud li ppreferew li jingħataw donazzjonijiet għall-isptar minflok jirċievu rigali waqt xi okkażjoni speċjali. 
Koppji ddeċidew li jagħtu donazzjoni lejn HopeXchange minflok souvenirs fit-tieġ. U kien hemm min saħansitra wasal biex irkanta l-karozza tiegħu.
Fondi mogħtija mill-Gvern Malti wasslu biex inxtara xi apparat, kif ukoll biex titħaffer borehole, biex l-isptar ikun moqdi b’ilma nadif.  Minn dawn il-fondi saret ukoll sistema ta’ biogas li tiġġenera l-enerġija mid-drenaġġ, u ġiet installata sistema ta’ pannelli għall-ilma sħun fl-isptar.
Il-Ghana Mission Foundation  preżentament qed tkompli tiġbor fondi biex jiġi attrezzat il-kumplament tal-isptar.  Żewġ miri importanti huma li jinfetaħ id-dipartiment għall-kanċer tas-sider u li jinxtara apparat għat-tieni sala tal-operazzjonijiet.
Jekk inti tixtieq tgħin f’dan il-proġett ibgħat l-offerta tiegħek lill-Ghana Mission Foundation, 495B, Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera, SVR1014 jew għamel donazzjoni ta’  €4.66  billi tibgħat SMS fuq 50618091.