Kollega ta’ Ali Sadr akkużat li gideb mal-FBI

Pilatus Ali sadr

Read in English.

Prosekuturi fl-Istati Uniti qed jakkużaw kollega ta’ sid Pilatus Bank li kellu sehem fit-trasferiment ta’ aktar minn €100 miljun b’mod illeċitu, skont rapport. Qed jiġi akkużat ukoll li gideb mal-FBI.

Skont is-sit Kharon Brief, il-ġimgħa li għaddiet prosekuturi federali akkużaw raġel Iranjan li jgħix il-Kanada bi frodi bankarja u li għamel stqarrijiet foloz b’rabta mal-allegat irwol tiegħu fi skema biex imexxi 115 miljun dollaru Amerikan mis-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti minħabba proġett tal-akkomodazzjoni fil-Venezwela.

Bahram Karimi għatta l-irwol tal-partijiet Iranjani fil-ħlasijiet u gideb mal-aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI), skont il-prosekuturi.

Il-ħlasijiet kienu dwar proġett infrastrutturali li jinvolvi l-kostruzzjoni ta’ eluf ta’ units ta’ akkomodazzjoni fil-Venezwela.

Karimi kien membri tal-kumitat eżekuttiv li kien qed imexxi l-proġett. Qal lill-investigaturi li waqt li kien għaddej il-proġett ma ħasibx li s-sanzjonijiet kontra l-Iran kienu japplikaw ukoll kontra kumpaniji mill-Iran.

Kelliem għall-FBI qal li dawn l-akkużi huma dwar l-użu tas-sistema finanzjarja tal-Istati Uniti biex jiġu ġġenerati flus għal Iranjani u għal entitajiet Iranjani.

Il-proġett tmexxa minn Stratus Group.

L-akkużi kontra Karimi ħarġu minn każ li diġà nfetaħ kontra Ali Sadr Hasheminejad, iċ-Chairperson tal-bank Pilatus. Ali Sadr kien jikkontrolla wkoll il-grupp Status flimkien mal-familja tiegħu. Ali Sadr kien membru tal-eżekuttiv flimkien ma’ Karimi.

Ali Sadr qed jaffaċċja piena ta’ 125 sena ħabs fuq akkużi ta’ ħasil ta’ flus u li ma segwiex is-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Venezwela.

F’Diċembru ġie żvelat mill-midja li Yorgen Fenech kien preżenti għat-tieġ ta’ Ali Sadr. L-eks Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu wkoll kienu preżenti.