Read in English.
Il-kok Rafel Sammut għamel appell biex l-ikel żejjed tar-ristoranti, issa li dawn għalqu l-bibien tagħhom, ma jintremiex imma jingħata lil Victory Kitchen, li titma’ lil min m’għandux x’jiekol.
Wara r-restrizzjonijiet kontra l-Covid-19 li tħabbru lbieraħ, mil-lum, ir-ristoranti, snack bars u kafetteriji jistgħu joffru biss servizz ta’ take-away, u ma jistgħux iservu lin-nies ġo fihom.
Rafel Sammut, li hu l-fundatur ta’ Victory Kitchen, talab lil dawk in-negozji li kellhom jagħlqu li għandhom xi ikel żejjed f’kundizzjoni tajba biex ma jarmuhx, imma jgħadduh lil Victory Kitchen, li qed titma’ lil ftit inqas minn 2,000 ruħ kull ġimgħa.
Fuq Facebook huwa stqarr li dan-numru huwa mistenni jogħla. Qal li l-ġimgħa d-dieħla se jmur idur biex jara x’ikel jista’ jiġbor biex imur għand dawk inqas ixxurtjati li m’għandhomx x’jieklu.
Victory Kitchen hija għaqda tal-karità li topera permezz ta’ network ta’ ristoranti lokali, social workers u kumpaniji tal-loġistika biex jingħata ikel lil dawk li ntlaqtu ħażin mill-pandemija. Il-ġimgħa li għaddiet, Victory Kitchen provdiet 1,692 ikla lil 196 familja fil-bżonn.
Kull min jista’ jgħin jista’ jikkuntattja lil Rafel Sammut fuq 99906056.
Intant, il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) ħareġ stqarrija li fiha qal li jappoġġja l-appell ta’ Victory Kitchen biex ir-ristoranti ma jarmux l-ikel żejjed li jkollhom.









