Koalizzjoni mmexxija mill-Amerikani tibda tirtira mis-Sirja

REUTERS/Rodi Said/File Photo

Il-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti biex tiġġieled lill-Istat Iżlamiku qalet li bdiet il-proċess tal-irtirar, b’uffiċjali jgħidu li qed jirtiraw il-makkinarju iżda mhux lit-truppi.

L-aħbar tal-President Donald Trump ix-xahar li għadda li l-Istati Uniti se tirtira 2,000 truppa fixklet lill-alleati li daħlu jgħinu lill-Washington fil-ġlieda kontra militanti tal-Istat Iżlamiku fis-Sirja.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li anke uffiċjali għolja fl-Istati Uniti kienu sorpriżi b’din l-aħbar tant li s-Segretarju għad-Difiża Jim Mattis irriżenja bi protesta.

Kien il-Kurunell Amerikan Sean Ryan li qal mal-midja li l-koalizzjoni bdiet il-proċess tal-irtirar mis-Sirja iżda qal li minħabba sigurtà ma setgħax jiddiskuti d-dettalji tal-postijiet u ż-żmien li fihom se jsir l-irtirar.