Knisja tħalli nies jorqdu fiha u tagħtihom il-gvieret

Madwar 15-il sena ilu, il-Knisja ta’ San Bonifaċju, f’San Francisco, bdiet tiftaħ il-bibien tagħha għal nies bla saqaf fuq rashom li kellhom bżonn il-kenn. Dan baqa’ magħruf bħala il-Proġett Gubbio.
Mijiet ta’ persuni, kuljum, jgħaddu minn din il-knisja, jorqdu fuq il-bankijiet u jingħataw gvieret biex jitgħattew mill-knisja stess.
“Meta l-mistiedna tagħna jidħlu fil-knisja ma nagħmlu ebda domandi biex inneħħu kull tfixkil biex wieħed jidħol, anqas hemm għalfejn jiffirma. Qatt ma nkeċċu lil ħadd, kulħadd milqugħ, irrispettat u ttrattat b’dinjità” jgħid is-sit elettroniku tal-Proġett Gubbio.
Il-Knisja xorta tibqa’ miftuħa għal dawk l-Insara li matul il-ġurnata jkunu jixtiequ jmorru jitolbu jew għal xi servizzi oħra. Imma żewġ terzi tal-knisja hu riżervat għall-Proġett Gubbio.
“Irridu nagħtu messaġġ lill-ġirien tagħna li m’għandhomx dar – huma parti mill-komunità u mhux se nkeċċuhom meta dawk li għandhom dar jidħlu jitolbu. 
Dan jagħti messaġġ ukoll lil dawk li jiġu għall-quddies: il-komunità tinkludi wkoll lil min hu għajjien, lill-fqir, dawk b’mard mentali u dawk li huma mxarrba, imtertra u maħmuġin”, qalet rappreżentant tal-Proġett Gubbio.
Wieħed mill-ilmenti tan-nies dwar dawn ix-xelters għal nies bla dar hi li dawn iqisuhom bħal ħabsijiet u jistgħu jkunu perikolużi ħafna.
Imma l-Proġett Gubbio hu differenti tant li 95% ta’ dawk li kienu mistoqsija dwaru qalu li jħossuhom siguri u lil dawk li jidħlu fih ma jqisuhomx bħala priġunieri.
F’postijiet oħra fl-Istati Uniti s-sitwazzjoni hi ferm differenti.
F’Seattle, l-awtoritajiet kienu qed jaħsbu biex jagħmlu l-‘barbed wire’ biex dawk bla dar ma jkunux jistgħu jikkampjaw f’ċerti postijiet. F’San Francisco kienu qed jintużaw robots biex ibeżżgħu lil dawk bla dar u jkeċċuhom filwaqt li jkunu rrappurtati lill-Pulizija.
Ix-xahar li għadda madwar 12-il persuna kienu arrestati f’Kalifornja għax taw ikel lill-persuni bla saqaf fuq rashom. Fost dawn kien hemm tifel ta’ 14-il sena li wkoll kien arrestat.
L-iskuża tal-awtoritajiet hi li dan għamluh biex jipprevjenu t-tixrid tal-mard iżda l-attivisti jsostnu li l-awtoritajiet qed iqisu lil dawk bla dar bħala kriminali.