Knisja oħra f’Shandong imwaqqa’ għal “skopijiet urbani”

Knisja Shandong imwaqqa skopijiet urbani
Knisja oħra mfarrka fiċ-Ċina. Ras il-Madonna mqaċċta mill-istatwa tagħha

Knisja oħra reġistrata uffiċjalment fiċ-Ċina,  ġiet  distrutta għax qed tfixkel proġetti urbani.  Madwar xahar ilu f’dan l-istess distrett, il-knisja ta’ Liangwang twaqqgħet għall-istess raġunijiet.

It-tkissir tal-Knisja sar fit-13 ta’ dan ix-xahar.  Għal  ħabta ta’ nofsinhar madwar 100 persuna waslu f’daqqa waħda fil-knisja u bdew  ikissru l-bini , farrku l-artal, l-istatwi u l-bankijiet, il-ħitan u kissru statwa tal-Madonna.l

L-għada, madwar 70 membru tal-komunità kattolika, fosthom żewġ saċerdoti u soru għamlu protesta quddiem l-uffiċċji tal-gvern lokali. Taħt xita qawwija huma ġarrew kartelluni bi kliem bħal “Agħtuna lura l-Knisja tagħna, Agħtuna qalbna”, jew “Aħna nikkundannaw it-twaqqigħ tal-knisja u nitolbu spjegazzjoni mill-awtoritajiet”.

Sorsi qalu li l-Kappillan, Fr. Wang Junbao tkellem mal-awtoritajiet li wiegħdu li jsibu post ieħor fejn jibnu l-knisja mill-ġdid “anke jekk indumu sal-eternità,

Din il-knisja kienet inbniet fl-1750. Fl-1958, taħt Mao Zedong, il-binja inħatfet mill-Gvern u kienet użata għal skopijiet oħra.  Fl-1987 fuq ordni ta’ Deng Xiaoping u skont il-liġijiet tal-pajjiż, il-knisja kienet ritornata lid-djoċesi ta’ Jinan li rreġistrata bħala post sagra tal-Knisja Uffiċjali.

Iżda fl-2014 saru pjani  għal kumpless residenzjali u park fil-post fejn hemm il-knisja u l-Gvern ried iwaqqagħha. Id-djoċesi kienet aċċettat id-deċiżjoni tal-Gvern bil-wegħda li jsib post ieħor fejn jibni l-knisja. Iżda minflok, tliet ijiem ilu, bla ebda avviż u bla ma offra ebda post ieħor għat-talb, il-knisja ġiet distrutta.

Barra minn dan, skont sorsi lokali,  f’dawn is-snin kollha il-Knisja dejjem talbet li tingħata l-art għall-bini ta’ knisja ġdida u mbagħad titlaq mill-post imma l-Gvern dejjem insista li l-knisja titlaq mill-post immedjatament.