“Knisja mifdija mid-dnub isservi komunità feruta”

F’diskors li għamel lis-saċerdoti u persuni konsagrati waqt iż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì, il-Papa Franġisku rrefera għal San Pietru u ħeġġeġ lis-saċerdoti, reliġjużi u seminaristi Ċileni biex ikunu Knisja li mifdija minn dnubietha ma tibżax toħroġ isservi lill-umanità feruta.
Il-Papa Franġisku rrefera għall-Vanġelu ta’ San Ġwann fejn Pietru, diżilluż għax ma qabadx ħut, reġa’ tefa’ x-xbieki kif ordnalu l-Mulej u qabad qabda mirakoluża ta’ ħut. Hu fakkar lis-saċerdoti u r-reliġjużi dwar id-dimensjoni komunitarja tal-vokazzjoni tagħhom u rrifletta fuq San Pietru u l-komunità ta’ madwaru.
Kompla jgħid li wara li Kristu qam mill-mewt, Pietru u sħabu għaddew minn sigħat ta’ dwejjaq u konfużjoni. Hekk ukoll, qal il-Papa, “meta t-tempesti tal-persekuzzjoni, tribulazzjonijiet, dubji u affarijiet oħra jiġru f’ħajjitna minħabba avvenimenti storiċi u kulturali, mhux faċli nsibu t-triq li għandna nsegwu.  Iżda l-akbar tentazzjoni tkun li nibqgħu mhewdna fuq id-dwejjaq tagħna”.
Flimkien mal-maġġoranza immensa ta’ saċerdoti u reliġjużi fidili lejn il-vokazzjoni tagħhom, ammetta Papa Franġisku, li hemm ukoll ix-xtieli tal-ħażen u l-iskandli tagħhom. Hu tkellem dwar il-weġgħat mill-każi ta’ abbużi fuq minuri fil-Knisja fiċ-Ċilì li għamlu ħsara u ġabu sofferenzi lill-vittmi u l-familji tagħhom, lill-komunitajiet kattoliċi kif ukoll lis-saċerdoti u r-reliġjużi nfushom.  Hu ħeġġeġ lis-saċerdoti biex jitolbu lil Alla għall-grazzja “li jkollhom viżjoni ċara biex isejħu r-realtà b’isimha u s-saħħa li jfittxu l-maħfra u l-ħila li jisimgħu dak li jgħidilhom Alla”.
Fid-dawl tat-tibdil li qed iseħħ fis-soċjetà Ċilena, il-Papa ħeġġeġ lill-qassisin u r-reliġjużi biex jiġġieldu t-tentazzjoni li jingħalqu u jkunu iżolati u jiddefendu l-mod kif jaħdmu u jinsew li “l-Evanġelju hu vjaġġ ta’ konverżjoni”.
Il-Papa fakkar li San Pietru induna bil-limitazzjoni u l-fraġilita’ tiegħu u li kien midneb u qal li bħala dixxipli tal-Knisja “irridu niffaċċjaw id-djufija u mhux is-suċċessi tagħna”. Kristu ried isalva lil Pietru mill-iżolazzjoni, milli jkun negattiv u mdejjaq.
L-unika  ħaġa li sostniet lill-appostli, qal il-Papa, kienet il-ħniena li rċivew. Is-saċerdoti u r-reliġjużi m’humiex aħjar minn ħaddieħor imma huma “mibgħuta bħala rġiel u nisa konxji li kienu maħfura”.
Hekk kif Kristu ma ħebiex il-feriti tiegħu, aħna wkoll mhux mitluba li ninjoraw jew naħbu l-feriti tagħna. Knisja feruta tista’ tifhem il-feriti tad-dinja tal-lum u tagħmilhom tagħha, tbati magħhom u tfittex li tfejjaqhom. Knisja feruta ma tagħmilx lilha nfisha iċ-ċentru ta’ kollox, imma tpoġġi fiċ-ċentru lil dak li jista’ jfejjaq dawk il-feriti li jismu Ġesu’ Kristu.
Il-Papa Franġisku reġa’ nsista li dak li sostna lill-Appostli kienet il-ħniena t’Alla. L-għarfien li aħna feruti, jeħlisna milli naħsbu li aħna superjuri.  Il-feriti tagħna jispiraw is-solidarjeta’ u jgħinuna nġarrfu l-ħitan li jagħlquna f’elitiżmu u jmexxuna biex nibnu pontijiet u niltaqgħu ma’ dawk kollha li qed ifittxu l-imħabba ħanina li jista’ jagħti Kristu biss.
Pietru li kien qata’ qalbu iżda mbagħad inbidel hu xbieha tal-Knisja li maħsula minn dnubietha ma tibżax toħroġ biex isservi umanita’ feruta. Din hi stedina biex minn Knisja mdejaqa u b’qalbha maqtugħa ngħaddu għal Knisja li sservi lil dawk in-nies li huma mdejjqa u b’qalbhom maqtugħa – Knisja kapaċi sservi ‘l Alla f’dawk li huma mġewwħa, li jinsabu fil-ħabs, dawk li huma bil-għatx, għarwenin jew morda.
“Il-problema”, qal il-Papa, “mhux li nitimgħu lill-fqir, inlibbsu lill-għeri jew inżuru lill-morda, imma li nagħrfu li l-fqir, l-għeri, il-marid, il-priġunier, dawk bla dar għandhom id-dinjita’ li jpoġġu mal-mejda tagħna u jħossuhom komdi fostna u li huma parti mill-familja. Dan hu s-sinjal li s-saltna tal-ġenna hi fostna. Dan hu s-sinjal ta’ Knisja feruta bid-dnub li Alla juri ħniena magħha u ssir profetika bis-sejħa Tiegħu” temm jgħid il-Papa Franġisku.