Knisja mbiċċra kienet biżżejjed għall-Insara f’Mosul biex jiċċelebraw il-Milied

Knisja mbiċċra u maħruqa kienet biżżejjed għall-Insara f’Mosul biex għall-ewwel darba, mir-rebħa fuq l-Istat Iżlamiku, setgħu jiċċelebraw il-Milied.
Il-militanti tal-Istat Iżlamiku għamlu ħerba mill-knejjes antiki tal-Insara u sakemm il-belt kienet taħt idejhom ħadd ma seta’ jiċċelebra l-Quddiesa jew il-festi Insara, ħlief bil-moħbi.
Iżda ilbieraħ, għall-ewwel darba, l-Insara li fadal f’Mosul inġabru fi knisja, iddedikata lil San Pawl u ċċelebraw il-Milied.
Il-Patrijarka tal-Kattoliċi Kaldej, Louis Raphael Sako, mexxa l-kongregazzjoni f’talba għall-paċi u stabbilità mhux biss f’Mosul u fl-Iraq, iżda fid-dinja kollha.
Qabel il-massakru li wettqu l-militanti, l-Insara f’Mosul kienu jammontaw għal madwar 35,000 persuna.
Iżda ħafna għażlu li jaħarbu mill-Belt u oħrajn inqatlu wara li żammew sodi u ma ċedewx għall-pressjoni tal-militanti li jikkonvertu għall-Iżlam li jipprattikaw huma u li huwa għal kollox differenti mill-Iżlam veru.
Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru tal-Iraq, Haider al-Abadi ddikkjara li wara ġlieda ta’ tliet snin, l-Istat Iżlamiku spiċċa għal kollox mill-Iraq.
Mosul għaddiet lura f’idejn il-Gvern f’Lulju li għadda.