Knisja li titlef żgħożitha ssir mużew – Il-Papa Franġisku

Il-Vatikan illum ippubblika r-riflessjoni tal-Papa fuq is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2018 li kien dwar iż-żgħażagħ. Ir-riflessjoni tiegħu jisimha Christus Vivit jiġifieri Kristu Jgħix, u hija ittra indirizzata liż-żgħażagħ dwar posthom fil-Knisja.

Fl-ittra l-Papa Franġisku jitlob lill-membri ta’ età ikbar tal-Knisja biex ma jkunux ta’ tfixkil għall-entużjażmu taż-żgħażagħ imma biex ikunu ta’ gwida għalihom meta jiġu bżonnhom. Il-Papa jiddeskrivi l-ħajja ta’ żagħżugħ jew żagħżugħa u l-vokazzjoni li jkollhom meta jsejħilhom Alla bħala “art qaddisa.”

F’dan id-dokument, il-Papa Franġisku jitkellem dwar il-kriżi tal-abbuż sesswali, dwar l-istorja tas-sessiżmu u fuq kif kwistjonijiet morali jaf iżommu liż-żgħażagħ ‘il bogħod mill-Knisja. Qal ukoll li ħafna żgħażagħ jaf ikunu jridu jafu dwar il-Knisja u jifhmu t-tagħlim tagħha, u minkejja dak li jaħsbu ċerti nies, iż-żgħażagħ ifittxu dan iż-żmien ta’ riflessjoni fis-skiet u opportunitajiet biex jaqdu l-komunitajiet tagħhom.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li Knisja li titlef l-umiltà tagħha, li ma tibqax tisma’ lill-oħrajn u li ma tħallix spazju għad-dubju, titlef iż-żgħożija tagħha u tinbidel f’mużew. B’dan il-mod, il-Knisja ma tkunx tista’ tissodisfa l-ħolm taż-żgħażagħ.

Verżjoni aktar dettaljata u l-ittra tal-Papa nfisha tista’ ssibhom hawn.