Knisja ġdida f’Dhaka hi sinjal ta’ Kristu fost l-emigranti

Waq

Parroċċa ġdid fl-arċidjoċesi ta’ Dhaka fil-Bangladesh hi sinjal tal-preżenza vitali tal-Knisja Kattolika fil-periferija ta’ dan il-pajjiż. Il-knisja, dedikata lill-Ħniena Divina kienet inawgurata nhar il-Ħadd li għadda fil-preżenza tan-Nunzju Apostoliku Mons. George Kocherry u l-Kardinal Patrick D’Rozario u madwar 20 saċerdot ieħor

 Fi tmiem il-funzjoni, Mons. Kocherry għadda Ostensorju, rigal tal-Papa Franġisku lill-Kappillan tal-parroċċa, Fr. Brien Gomes.  F’kumment lill-aġenzija Asia News il-kappillan tkellem dwar il-ferħ tal-Kattoliċi tal-parroċċa – madwar 8,000 persuna, li fl-aħħar, wara 40 sena għandhom il-parroċċa tagħhom u ma għandhomx għalfejn jivjaġġaw il-bogħod biex jitolbu u jirċivu s-sagramenti.

Għaċ-ċerimonja attendew madwar 900 persuna fosthom mexxejja reliġjużi u sorijiet Musulmani. It-twelid ta’ parroċċa Kattolika ġdida f’pajjiż li fil-maġġoranza tiegħu hu wieħed Musulman, hu sinjal pożittiv tal-armonija u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet differenti, sostna l-kappillan.  Il-knisja tinsab fid-distrett Gulshan fejn hemm diversi ambaxxati u preżenza qawwija ta’ emigrant.

Familji Kattoliċi

F’dan il-post hemm jgħixu madwar 1,000 familja Kattolika li emigraw għal dan il-post minn diversi nħawi tal-pajjiż. Ħafna mill-ġenituri ma għandhomx livell tajjeb ta’ edukazzjoni u jaħdmu bħala servjenti, labourers jew f’ambaxxati. Iżda t-tfal imorru l-iskola u għandhom livell tajjeb ta’ edukazzjoni.

Gulshan li hu parti minn din il-parroċċa hu l-post fejn fl-2016 l-ISIS attakkaw restaurant frekwentat mill-barranin u qatlu 22 persuna. Il-Kappillan jispjega li “aħna mdawwra minn persuni ta’ reliġjonijiet differenti, iżda qatt ma kellna theddid għas-sigurtà tagħna.

L-isfidi tal-parroċċa, li fl-imgħoddi kienet viċi parrocca tal-Knisja tar-Rużarju f’Tejgoan, huma n-nuqqas ta’ art, iż-żwiġijiet imħallta bejn membri ta’ gruppi etniċi differenti u r-relazzjonijiet sesswali qabel iż-żwieġ.

Il-kappillan spjega li fil-kultura Garo hemm ċerimonja ta’ żwieġ partikolari fejn żewġ żgħażagħ li jagħmlu lejl flimkien ikunu meqjusa awtomatikament bħala tnejn miżżewġin bla ebda ċerimonja la ċivili u anqas reliġjuża. L-użanza hi mifruxa ħafna u “aħna nippruvaw niġġielduha billi nibdlu l-mentalità tan-nies u nfehmu l-valur taż-żwieġ. Ninsistu fuq l-importanza tal-etika u l-morali u ninkoraġixxu l-parteċipazzjoni fil-klassijiet tal-katekiżmu għal kull età, fejn inferrxu t-tagħlim tal-Evanġelju”.

Djalogu inter-reliġjuż

L-iskop tal-Kappillan u n-nies li jgħinuh hi li jgħinu fl-ispirtwalità tan-nies biex dawn ma jaqbdux toroq żbaljati imma jgħixu ħajja bażata fuq l-etika. Għalhekk jingħata mportanza l-ħidma tal-katekisti li s’issa fil-parroċċa hemm tnejn biss. Il-Kappillan qed jippjana li sas-sena d-dieħla jżur il-familji tal-parroċċa, joħloq grupp taż-żgħażagħ u jsibilhom post fejn ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.

Dwar id-djalogu bejn ir-reliġjonijiet, Fr Gomes qal li l-Knisja fil-Bangladesh taqdi l-bżonnijiet ta’ Musulmani u nies minn diversi tribujiet. L-insara jħobbu lil kulħadd. “Nittamaw li din il-komunità tikber. Nixtiequ nibnu knisja akbar għax din li għandna ma tesgħax lill-parruċċani kollha u rridu nibnu wkoll ċentru spiritwali li fih niffurmaw lin-nies u nippreparawhom għas-Sagramenti.