Knisja f’Wales se tingħalaq wara 100 sena

Il-parruċċani ta’ knisja f’Wales kienu xxukkjati meta eżattament qabel il-Milied kienu infurmati permezz ta’ ittra mill-Isqof li l-knisja ddedikata lil San Mikiel u l-Anġli kollha, li tinsab f’Conway f'Wales, se tingħalaq fi ftit ġimgħat oħra.
L-Isqof Peter Bringall ta’ Wrexham qal lin-nies tal-parroċċa li l-knisja, li issa ilha miftuħa 100 sena, kienet se tingħalaq mhux għax ma kenitx iffrekwentata iżda għax ma kienx hemm biżżejjed saċerdoti biex jaħdmu fiha.
Barra minn dan, knisja oħra, dik tal-Qalb ta’ Ġesù li tinsab fil-kunvent ta’ Santu Wistin li tinsab fil-parroċċa ta’ Old Colwyn, kienet se tingħaqad mal-parroċċa ta’ Colwyn Bay.
L-aħħar quddisiet f’dawn il-knejjes se jsiru fl-aħħar Ħadd tar-Randan, fil-11 ta’ Frar ta’ din is-sena.
“In-nies huma qalbhom maqsuma u ddiżappuntati b’din id-deċiżjoni” qalet Ann McCaffery, membru mill-kongregazzjoni ta 60 persuna li jattendu f’din il-knisja.  Hi qalet li ma kienx hemm raġuni biex tittieħed din id-deċiżjoni. “Il-Knisja mhux qed taqa’, hemm kongregazzjoni b’saħħitha u l-parroċċa għandha l-flus”.
Parruċċan ieħor qal li “Din l-aħbar ħassritilna l-Milied. Qatt ma konna qed nistennewha.  Kienet xokk kbir għalina. Aħna qed nappellaw minn din id-deċiżjoni individwalment.  Hawn rabja kbira għax ma saret ebda konsultazzjoni”.
Fl-ittra tiegħu l-Isqof Bringall qal li “Dan il-proċess għadu mhux magħluq u jista’ jkun hemm aktar knejjes li jkun hemm bżonn li jingħalqu.
F’April tas-sena li għaddiet l-istess isqof kien ħabbar li kien qed jippjana li jagħlaq madwar 20 knisja mit-62 li hemm fid-djoċesi sal-2020 minħabba n-numru dejjem jonqos ta’ saċerdoti taħt l-età tal-pensjoni.
Dakinhar kien qal: “Lil uħud dan se jixxukkjahom, oħrajn se jqisu dan bħala deċiżjoni radikali, oħrajn se jistrieħu, għal oħrajn huwa ta' diżappunt u forsi anke skandaluż, għalina lkoll din hi sfida imma jien nemmen li se tkun opportunità kbira biex niġġeddu”.