Knisja f’Ruma miftuħa 24 siegħa kuljum il-ġimgħa kollha

stigma-church
Post għall-kenn għal dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom kien inawgurat f’Ruma x-xahar li għadda fil-Knisja tal-Istigmati ta’ San Franġisk għal dawk fil-bżonn jew dawk li jridu post fejn jitolbu. (Credit: Ines San Martin/Crux.)

Għalkemm f’Ruma hemm madwar 900 knisja Kattolika, biex issib waħda li hi miftuħa f’kull ħin tal-jum u l-lejl hu ftit diffiċli. Hemm knejjes li jiftħu fil-ħinijiet tal-quddies u oħrajn Ii jiftħu fil-ħinijiet tal-uffiċċju.

Iżda minn Diċembru li għadda hemm knisja li hi miftuħa 24 seigħa kuljum għal sebat’ ijiem bl-Adorazzjoni Ewkaristika għaddejja l-ħin kollu u tim ta’ bejn tmienja u għaxar voluntiera u l-Kappillan li jassiguraw li dejjem ikun hemm xi ħadd biex jilqa’ lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna.

Roberta, waħda mill-voluntiera qalet li “dan il-proġett mhux maħsub biss għall-fqar”.

Nhar it-Tnejn li għadda saret “open house” fejn kien inawgurat ukoll dormitorju li jista’ jieħu 30 persuna li huma bla dar.

Ifittxu ‘l Alla

Jekk tiġi hawn f’xi ħin matul il-lejl tara li dejjem ikun hawn xi ħadd jitlob. U dawn ma jkunux biss nies bla dar. Ħafna drabi jkunu żagħżagħ jew xi koppja li jiġu jfittxu lil Alla.  Jien dejjem nittama li hawn isibuh. U jekk xejn, jekk ikollhom bżonn, isibu wiċċ daħkan u l-konfort li mhux Alla biss lest jismagħhom”, żiedet għid Roberta lill-aġenzija tal-aħbarijiet CRUX.

Barra li hi miftuħa l-ħin kollu u għandha wkoll dormitorju, il-knisja toffri wkoll faċilitajiet ta’  “toilets u laundry” filwaqt li kull filgħodu tipprovdi kolazzjon lil madwar 200 persuna. Meta din l-iniżjattiva kienet inawgurata lejn tmiem Diċembru kienu attendew il-Vigarju ta’ Ruma, il-Kardinal Angelo de Donatis u l-Kardinal ta’ Madrid Carlos Osoro.

Il-Knisja ta’ San Franġisk tal-Istigmati tinsab fiċ-ċentru storiku ta’ Ruma, ftit passi bogħod mill-Pantheon u Pjazza Navona.  Dan il-proġett hu mmexxi mill-Organiżazzjoni Mhux Governattiva Spanjola “Messaġġiera tal-Paċi”. L-Organiżazzjoni twaqqfet fl-1962 minn Fr. Angel Garcia u llum tmexxi diversi djar tal-anzjani fi Spanja kif ukoll numru ta’ kċejjen li jipprovdu ikel lill-fqar u ċentri ta’ formazzjoni.

Nhar it-Tnejn li għadda qabel kienu inawgurati d-dormitorji, Fr Garcia ltaqa’ mal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta fil-Vatikan, fejn jgħix il-Papa u attenda wkoll għall-quddiesa tiegħu fil-kappella tal-istess dar.

“Kultant, meta tiltaqa’ mal-Papa tħossok bla kliem għax taf li hu r-rappreżentant ta’ Dak ta’ Fuq. Imma bil-kariżma tiegħu stajt naqsam miegħu u nitkellem dwar il-proġett ta’ Knisja mftuħa 24 siegħa kuljum, x’qed nagħmlu u n-nies li jiġu għandna kuljum”, qal Dun Garcia lill-ġurnalisti.

Għajnuna u talb

Għalkemm il-proġett għadu relattivament ġdid biex nistgħu nkejjlu s-suċċess tiegħu f’Ruma, mill-esperjenza ta’ ċentri simili f’Madrid, l-organiżazzjoni taf li n-nies li jmorru fi knisja li hi miftuħa 24 siegħa kuljum, ma jmorrux biss biex jitolbu gżajnuna materjali jew biex jistrieħu imma jmorru wkoll biex jitolbu.

“Għalkemm in-nies jaħsbu li dawn il-knejjes huma biss għal dawk li huma materjalment foqra, dan mhux il-każ. Li jiġru hu li kultant dawn huma l-uniċi postijiet fejn dawk li m’għandhom xejn jistgħu jidħlu bla jkunu ġudikati.  Proġetti bħal dawn huma sinjal viżibbli li s-soċjetà m’hix marida, kif kultant jingħad. Anzi hi soċjetà b’saħħitha u b’ħafna valuri. Kull fejn tħabbat se ssib lil xi ħadd li lest jgħinek u jkun karitatevoli mal-oħrajn”, sostna l-qassis.

F’Ruma biss hu stmat li hemm bejn 5,000 u 6,000 persuna li m’għandhomx dar u ħafna minnhom jgħix qrib il-Vatikan taħt xi tinda żgħira li spiss jidħru taħt il-kolonnat tal-bażilika. Is-sena li għaddiet, il-Kardinal Konrad Krajewski, inkarigat mill-Papa biex jagħmel il-karità fetaħ residenza qrib il-Vatikan, f’post storiku magħruf bħala Palazzo Migliori, għal dawk li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Dejjem miftuħa

Barra l-knisja tal-Istigmati ta’ San Franġisk hemm tabella li tistieden lin-nies biex jidħlu bi kwotazzjoni tal-Papa Franġisku li tgħid: Il-knejjes dejjem għandu jkollhom il-bibien miftuħa għax dan hu li tiffsser knisja: dejjem miftuħa.

Poster ieħor b’ritratt tal-Papa qed jitlob jgħid: Nitlob skuża għal dawk id-drabi kollha li aħna l-insara, meta niltaqgħu ma xi ħadd fqir, ħarisna n-naħa l-oħra.

F’Diċembru li għadda meta l-knisja bdiet tiftax 24 siegħa kuljum, il-Papa bagħat ittra lil Dun Angel Garcia fejn irringrazzjah għal din l-inizjattiva “li toffri servizz tal-Kelma t’Alla li jista’ jgħin lil dawk li jħarsu lejn din id-dar ta’ talb bħala d-Dar Komuni biex nibnu flimkien post fejn kulħadd hu milqugħ u menjn jista’ jerġa’ joħroġ biex jiffaċċja l-avventura meraviljuża tal-vokazzjoni nisranija”.

Il-Papa żied jgħidlu: “Nixtieq li d-Dar t’Alla dejjem ikollha l-bibien miftuħa għax timxi mal-popli fl-istorja tal-bniedem.  Jekk le, il-knejjes bil-bibien magħluqa nibdew insejħulhom Mużew. Il-komunità ekklesjastika hi “tinda” li kapaċi titkabbar biex “kulħadd ikun jista’ jidħol taħtha u jsib oasi ta’ paċi fl-imħabba t’Alla, post ta’ laqgħa, rikonċiljazzjoni u maħfra”.