Knisja f’Kalifornja tiftaħ il-bibien għall-foqra

Knisja f’Kalifornja fetħet il-bibien tagħha biex kull filgħaxija tilqa’ aktar minn 300 persuna fqira li m’għandhix saqaf fuq rasha. B’hekk dawn in-nies ikollhom post kwiet u seren fejn iqattgħu l-lejl minflok jorqdu fuq xi bankina fil-ksieħ tax-xitwa.

Dan hu parti minn proġett blisem ta’ The Gubbio Project li hu mwaqqaf minn organizzazzjoni li ilha topera sa’ mill-2004 u dan il-proġett issa qiegħed fis-seħħ f’żewġ lokalitajiet f’San Francisco, Kalifornja.

Il-knisja ta’ St. Boniface hija waħda miż-żewġ lokalitajiet u permezz ta’ dan il-proġett mhux biss qed toffri refuġju lil dawk li m’għandhomx fejn jorqdu, iżda wkoll qed tqassam madwar 150 kutra fix-xahar lil dawn in-nies, kif ukoll 100 par kalzetta fil-ġimgħa, mal-50 toothbrush fil-ġimgħa, madwar 75 kits biex wieħed jieħu ħsieb l-iġene personali tiegħu, kif ukoll diversi affarijiet oħra li huma bżonnjużi.

Dan il-proġett jidher li ntlaqa’ tajjeb għax mhux biss huma bosta dawk il-foqra li qed imorru jsibu kenn fil-knejjes li qed jilqugħhom, iżda l-organizzazzjoni qed issib ukoll appoġġ minn ħafna nies fil-kommunità li joffru l-ħin tagħhom biex jgħinu b’xi mod jew ieħor, iżda hemm ukoll kumpanijji u ħwienet li qed joffru prodotti biex dan il-proġett ikompli jissaħħaħ u jgħin aktar nies fil-bżonn.

Interessanti nsemmu li fost dawk li minn żmien għall-ieħor imorru jagħtu daqqa t’id hemm l-attur Martin Sheen li llum jgħodd 79 sena.

Magħruf għas-sehem tiegħu f’films bħal Apocalypse Now, Gandhi u Wall Street, kien interpreta fost oħrajn lill-President John F. Kennedy fil-mini sensiela televiżiva Kennedy, u kien kiseb ukoll suċċess bis-sensiela The West Wing. Bħalissa qed jaħdem fis-sensiela komika Grace and Frankie, flimkien ma’ Jane Fonda u Lily Tomlin.