Knejjes temporanji fil-mira tal-awtoritajiet Ċiniżi

Il-kattoliċi Ċiniżi huma mħassba dwar ċirkolari maħruġa mill-Amministrazzjoni Statali għall-Affarijiet Reliġjużi li qed titlob lill-organiżatturi ta’ attivitajiet reliġjużi f’siti reliġjużi temporanji biex jitolbu gwida minn organiżazzjonijiet reliġjużi rikonoxxuti mill-Gvern.
Dan jista’ jfisser li l-komunitajiet kattoliċi li jiltaqgħu b’mod mhux uffiċjali u d-djar li jintużaw bħala knejjes se jkollhom kontrolli aktar stretti.
Iċ-ċirkolari tgħid dawk li għandhom twemmin reliġjuż u li huma reġistrati bħala residenti, ma għandhomx rekord kriminali u għandhom xi għarfien reliġjuż, jistgħu japplikaw biex jorganizzaw attivitajiet reliġjużi temporanji.
Siti reliġjużi temporanji jistgħu japplikaw lill-awtoritajiet lokali għal permess ta’ tliet snin biex jorganizzaw attivitajiet reliġjużi u jiddikjaraw kemm nies se jattendu dawn l-attivitajiet.
Id-Direttur tal-Iskola tad-Divinità tal-Università Ċiniża ta’ Hong Kong qal li jekk Knisja li qed topera minn dar tapplika għal sit temporanju, il-Kunsill Kristjan Ċiniż u l-Kumitat Nazzjonali tal-Moviment Patrijottiku jistgħu jagħtu “opinjoni” dwar dawn l-applikazzjonijiet.
Hu fatt magħruf li ħafna minn dawn il-knejjes li joperaw minn djar, jiddejqu  jirreġistraw u jippreferu jibqgħu organiżazzjoni illegali għax ma jridux ikollhom x’jaqsmu mal-imsemmija żewġ korpi.
Id-Direttur staqsa jekk din l-ordni ġdida kinitx se tagħti dritt lill-awtoritajiet jindaħlu fl-arranġament ta’ funzjonijiet reliġjużi bħalma huma l-amministrazzjoni tas-Sagramenti, iċ-ċerimonji ritwali, l-interpretazzjonijiet teoloġiċi u t-taħriġ pastorali, fost l-oħrajn.
Fr. Wang qal li dan l-avviż hu maħsub biex il-Knisja Kattolika tkun kontrollata aktar kif ukoll il-knejjes Protestanti li mhux se jitħallew jorganiżżaw attivitajiet reliġjużi f’siti u knejjes temporanji.