Knejjes maħruqa u saċerdoti maqtula fir-reġjun Somalu tal-Etijopja

Tfal imwerwra miġbura f'bitħa wara attakk fuq knisja

Il-Patrijarka Mathias I u s-Sinodu tal-Knisja Ortodossa tal-Etijopja fir-reġjun ta’ Tewahedo ddeċidew li joffru 16-il jum ta’ sawm u talb wara l-festa ta’ Santa Marija biex jitolbu għall-grazzja tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun Somalu ta’ Jijiga wara li kien hemm mewġa ta’ vjolenza etnika li ħalliet 30 vittma.

Il-Knisja Ortodossa tal-Etijopja ħallset prezz qawwi f’din il-vjolenza għaliex skont rapporti fil-midja lokali kienu attakkati seba’ knejjes Ortodossi u ngħataw in-nar, u sitt saċerdoti u numru ta’ fidili sfaw maqtula.

Il-ġlied beda fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet meta nies armati mill-militar ta’ Liyu, immexxija minn Abdi Alley (President tar-reġjun Somalu) ippruvaw iwaqqfu laqgħa tal-parlament reġjonali li kien se jikkundanna l-ksur tad-drittijiet umani fir-reġjun.

Dawn l-inċidenti ta’ vjolenza wasslu għal intervent mill-Armata Etijopjana li poġġiet it-truppi tagħha jiċċirkondaw il-bini tal-gvern fl-inħawi, inkluż il-bini tal-parlament u l-palazz presidenzjali tal-istess Abdi Illey.

Saru attakki qawwija mill-membri tal-militar Liyu fuq postijiet marbuta ma’ gruppi etniċi żgħar. Il-vjolenza aċċentwat ukoll il-kuntrast bejn l-amministrazzjoni reġjonali u l-Gvern ta’ Addis Ababa u wasslu wkoll għar-riżenja tal-gvernatur reġjonali Abdi Illey li f’dawn l-aħħar sigħat, skont il-midja lokali, kien arrestat u qed jinżamm mill-awtoritajiet ta’ Addis Ababa.

Ir-reġjun Somalu issa ilu għal xi ftit taż-żmien b’nuqqas ta’ stabilità. Bħalissa aktar minn 20,000 Etijopjan li kellhom jaħarbu minn djarhom qed jingħataw appoġġ u assistenza mill-parroċċi Ortodossi f’Jijiga.