Klopp jgħid li t-tim mhux se jilgħab ir-replay kontra Shrewsbury

Klopp ikkonferma li t-tim mhux se jkun qed jilgħab fir-replay tal-FA Cup li se taħbat nhar l-4 ta’ Frar għal raġuni sempliċi. Hu qal li kien wegħedhom li jistgħu jieħdu btala waqt il-waqfa qasira tax-xitwa mill-Premier League. Klopp qal li mhux lest li jikser din il-wegħda li għamel magħhom.

Waqt intervista wara l-logħba kontra Shrewsbury Town, Klopp qal li ġimgħatejn ilu wegħedhom li se jħallihom jieħdu xi jiem ta’ btala. Stqarr li ħadd minnhom mhu se jkun qed jilgħab il-logħba u minflokhom se jilgħab it-tim ta’ taħt it-23 sena. Qal li jaf li mhix xi deċiżjoni popolari, iżda hu hekk iħoss li għandu jagħmel.

Apparti li t-tim mhux se jkun qed jilgħab, se jkun il-coach tat-tim ta’ taħt it-23 sena Neil Critchley li se jkun qed jieħu r-riedni tat-tim.

Liverpool spiċċaw il-logħba f’parità ta’ 2-2 kontra Shrewsbury Town u f’xi ħinijiet setgħu anka tilfuha.