Klopp jgħid li mhux se jixtri aktar plejers dan ix-xahar

Il-maniġer ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li ma jidhirx li se jixtru aktar plejers dan ix-xahar. Liverpool li qegħdin 13-il punt fil-quċċata tal-klassifika, diġà xtraw lill-Ġappuniz Takumi Minamino mingħand Red Bull Salzburg.

Klopp stqarr li kull sena jsib ruħu fl-istess sitwazzjoni. Qal li mhux faċli tagħmel deċiżjoni bħal din, iżda jidher li din id-darba m’hemmx bżonn li jixtru aktar plejers.

Bħalissa Liverpool għandhom numru ta’ plejers imweġġgħa. Għal-logħba ta’ għada kontra Sheffield United għandhom lil Alex Oxlade-Chamberlain, lil Xherdan Shaqiri, lil Fabinho, Joel Matip u lil Dejan Lovren kollha barra.

B’Minamino mhux eleġibbli li jilgħab qabel il-logħba mill-FA Cup kontra Everton, Klopp għandu nuqqas ta’ plejer mit-tim tal-kbar li jista’ jilgħab bihom kontra Sheffield.

Il-Ħadd li għadda kontra Wolves, Klopp għażel liż-żgħażagħ Curtis Jones, Harvey Elliot u lil Neco Williams fuq il-bankina.